Storja dwar Viceroy Research ma tiġix irrappurtata la fil-Malta Today u l-anqas f’ The Times: veru li dawn waqgħu fin-nassa ta’ Viceroy Research u Greg Gillespie?

Is-soltu l-gazzetti f’Malta malajr ixommu storja li jkollha rabta ma’ pajjiżna. Għandhom abbonamenti b’alerts kull darba li tissemma b’xi mod Malta madwar id-dinja. Din l-istorja ma rrappurtaha ħadd. Aktarx għax iż-żewġ media houses ewlenin jidher li waqgħu waħda għaċ-ċajt sewwa.

Kumpanija ibbażata fl-iStati Uniti li tipproġġetta lilha nnifisa bħala li twettaq xogħol ta’ investigazzjonijiet finanzjarji internazzjonali u li ftit tal-ġimgħat ilu kienet ikkwotata mill-gazzetta Malta Today bħala parti minn rappurtaġġ dwar il-kwistjoni tal-isptarijiet f’Malta, qed tkun akkużata fil-Parlament Ingliż li għandha rabtiet mal-gvern Russu u mal-President Russu Vladimir Putin. Din hija l-istorja li ppubblikat il-Malta Today

F’din l-istorja l-Malta Today titkellem dwar kumpanija li jisimha Viceroy Research u r-riċerka li għamlet dwar l-operat ta’ Steward Health Care u kif din ikkreat numru ta’ kumpaniji biex tgħatti l-operat tagħha. Issa din il-kumpanija Viceroy Research qed tkun akkużata mid-deputat Parlamentari Ingliż, Liam Byrne, b’konnessjonijiet mar-Russja. Byrne qed jisħaq li din hija kwistjoni ta’ natura serja ħafna li għandha tiġi diskussa mill-Parlament Ingliż. Byrne, li kien Ministru fil-kabinett tal-Prim Ministru Gordon Brown, qajjem mistoqsijiet dwar kif il-fundatur ta’ din il-kumpanija Viceroy Research, Fraser John Perring, għamel sensiela ta’ żjarat fir-Russja.

L-intervent ta’ Bryne, li mhux magħruf bħala wieħed li jitkellem bl-addoċċ, sar fid-dawl tal-fatt li Viceroy Research qed tattakka kumpanija strateġika Ingliza – Babcock International – bil-għan li ddgħajjef is-sigurtà tar-Renju Unit. Babcock jagħmlu ħafna xogħol għad-Dipariment tad-Difiża Ingliż u qed jikber it-tħassib li Viceroy Research u Perring setgħu tqabbdu jagħmlu dan mir-Russja.

Id-dubji dwar il-mod li bih taħdem Viceroy Research ilhom jitqajmu għal żmien twil, tant li l-kumpanija flimkien ma’ Perring ġew imħarrka b’suċċess fl-iStati Uniti u fl-Afrika ta’ Isfel dwar konfoffa u dikjarazzjonijiet foloz u malafamanti.

Fl-2021 l-awtorita’ responsabbli mis-settur finanzjarju fl-Afrika ta’ Isfel ħarġet multa ta’ $3.5 miljun lil Viceroy Research wara dikjarazzjonijiet foloz li din għamlet dwar ir-raba’ l-iktar bank b’saħħtu f’dan il-pajjiż, il-Capitec Bank, liema dikjarazzjonijiet wasslu għal dannu finanzjarju sostanzjali lil dan l-istess bank.

Mill-investigazzjonijiet li saru kien instab li Viceroy Research kellha ftehim ma’ hedge fund li mill-attakki li saru kontra l-Capitec Bank, għamel profitti li jlaħħqu kważi sitt miljun dollaru. Hedge fund simili jaqla’ l-flus jekk il-valur tal-ishma tal-kumpaniji li jkunu qed jiġu attakkati jaqa’. F’dawn il-każijiet kumpaniji bħal Viceroy jintużaw biex joħolqu sensiela ta’ attakki, ibbażati fuq informazzjoni falza li tkun ippubblikata fil-media. F’dan il-każ, kien stabbilit li eventwalment mill-profitti li saru bl-attakki fuq Capitec Bank, Viceroy Research innifisha ħadet mat-$800,000.

Viceroy Research li qed tiġi akkużata bl-użu ta’ investigaturi dubjużi u avukati li jużaw tattiċi ta’ rikatt sabiex jagħmlu pressjoni fuq numru ta’ individwi u organizazzjonijiet, tinsab taħt skrutinju. Ditta ta’ investigazzjoni partikolari li f’mezzi tax-xandir internazzjonali tqajmu dubju dwar l-integrita’ tal-operat tagħha, u li ħadmet ma’ Viceroy International hija Tacet Global immexxija minn Greg Gillespie. Hekk kif Gillespie beda jaħdem ma’ Viceroy International, neħħa d-ditta tiegħu minn fuq ir-reġistru tal-kumpaniji tar-Renju Unit.

Issa Gillespie għandu wkoll rabta ma’ Malta. Din id-darba, ir-rabta ma hix mal-Malta Today, imma ma’ The Times. Mela f’April tas-sena l-oħra, The Times kien irrapportat b’mod esklussiv li Gillespie kien inġieb f’Malta biex jagħti informazzjoni li allegatament kien ġabar b’rabta mal-inkjesta Maġisterjali dwar l-isptarijiet. F’dik l-okkazjoni Gillespie kien anki ippoża għal ritratt quddiem il-bini tal-Qorti li imbagħad ġie ppubblikat minn The Times. Fi kliem sempliċi, il-ġurnal Malta Today kien imbotta n-narrattiva ta’ Viceroy Research u The Times ta’ Gillespie dejjem madwar il-kwistjoni tal-isptarijiet. Għal min ma jafx, ħaseb li dawn huma żewġ stejjer separati, meta fil-fatt dawn huma żewġ uċuh differenti tal-istess munita. Din hija l-istorja ta’ kif dehret f’The Times.

Fil-jiem li għaddew sar magħruf li Steward International ħabbru li qed jieħdu passi legali kontra Viceroy Research u akkużaw lil din il-kumpanija li qed tuża gideb kontra tagħhom għal raġunijiet ulterjuri.

F’dan il-kuntest, huma importanti li wieħed jagħmel 4 mistoqsijiet sempliċi lil dawn iż-żewġ media outlets.

a) L-ewwelnett, kienu Viceroy li kkuntattjaw lil Malta Today u bellagħlhom il-lixka?

b) Jekk iva, iċċekkjaw tal-Malta Today l-affarijiet għal rashom qabel ma ppubblikawhom?

c) Kien Greg Gillespie li kkuntattja lil The Times?

d) U jekk iva, il-ġurnalisti ta’ The Times iċċekkjaw l-affarijiet li qalilhom u jekk staqsewx jekk kienx qed jitħallas minn xi ħadd?

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading