Where your opinion counts

Bernard Grech ma tgħallem xejn mill-attakki personali li fl-imgħoddi kienu saru kontra Adrian Delia

Madwar xahar ilu, fi Newsbook deher artiklu li fih intqal li Dr Bernard Grech qal hekk “Kulmin qed idgħajjef lill-PN, qed isaħħaħ lil-Labour”. Fl-aħħar induna li għaddejja din l-istraġi fil-Partit Nazzjonalista. Imma wieħed irid jistaqsi min verament qed idgħajjef lill-PN? Dawk li jikkritikaw jew dawk li akkost ta’ kollox iridu jibqgħu fil-kontroll tat-tmexxija ta’ dan il-partit? Forsi wasal iż-żmien li Bernard Grech jistaqsi jekk il-preżenza tiegħu hix qed isaħħaħ lil-Labour Party? Forsi wieħed għandu jistaqsi jekk il-mod li bih il-bieraħ wieġeb lill-media dwar chats personali huwiex idoneo ta’ kap ta’ partit li suppost għandu l-ispirazzjoni tiegħu mill-Vanġeli?

Infakkar li kien biss wara li kellna s-sentenza kontra Stewards li ħareġ l-ewwel stħarriġ li wera li l-PN qed jirkupra minn dik it-tkaxkira. Issa faqqgħet din l-istorja taċ-chats. Verament jaħseb bil-mod li wieġeb Bernard Grech ser imexxi lill-partit tiegħu ‘l quddiem? Ma naħsibx. Mela min qed idgħajjef il-Partit Nazzjonalista? Min qed isaħħaħ lil-Labour? Mnalla ġiet din ir-rebħa fil-qorti, għaliex kieku s-sitwazzjoni hija agħar.

Bħalissa fuq il-medja soċjali u anke fuq il-media indipendenti għaddejjin artikli fejn qed jitkellmu dwar dak li għamel Mark Camilleri u l-pubblikazzjoni ta’ chats li fuqhom hemm divjit. Ir-Repubblichini ħarġu jaqbżu għal Camilleri. Matthew Caruana Galizia kiteb favur tiegħu. X’għamel Bernard Grech? Ħareġ jattakka lil Rosianne Cutajar minħabba dawn iċ-chats. Minflok ħa l-okkażżjoni biex jinfatam mir-Repubblichini u Mark Camilleri, u qal li ma jaqbilx li chats privati jsiru pubbliċi, mar jingħaqad magħhom u juri appoġġ għall-pubblikazzjoni tagħhom. Bernard Grech jaf li s-siġġu tad-deputat fil-parlament hu wieħed privat. L-ebda kap ta’ partit ma jista’ jisforza deputat jirreżenja mis-siġġu tiegħu fil-parlament. U aktar deputat ma għandux jirreżenja fuq attakk maħmuġ fuq il-ħajja privata tiegħu. Jidher ċar li Bernard Grech ma tgħallem xejn minn attakki simili fil-passat li kienu saru fuq Adrian Delia.

Dan il-fatt ser ikompli jnaqqas il-fiduċja tan-nies f’Bernard Grech. Din ġa tinsab fil-baxx ħafna u ser tkompli tinżel. Minflok ħa l-okkażżjoni biex ikompli jkabbar il-fiduċja tan-nies lejn il-Partit Nazzjonalista, wara dak li għaddejna miegħu, mar jingħaqad ma’ min dejjem kellu aġenda tal-mibgħeda fil-politika ġewwa Malta.

Infakkar li għadu kif kien hemm sentenza li għolliet il-moral tal-PN, anki jekk deher ċar li ċertu media ma ħadet xejn gost biha. Imbagħad isir dan l-iżball li hemm kap li jibqa’ jiġri wara r-Repubblichini. Huma ħafna il-kummenti u l-anke artikli fil-gazzetti fejn qed jgħidu li jekk il-Partit Nazzjonalista mhux ser jieħu deċiżjonijiet drastiċi qed jissogra li jaqla’ tkaxkira oħra mhux biss fl-elezzjonjiet Ewropej imma saħansitra fl-elezzjoni ġenerali tal-2027. U waħda mid-deċiżjonijiet li trid tittieħed hija dik li l-PN ma jiġrix wara xi nies bħal Mark Camilleri u l-ħbieb ġodda tiegħu – ir-Repubblichini.

Nifhem li ma hemmx alternattiva ċara għal Bernard Grech imma Bernard Grech irid jieqaf jitkellem minn sormu. Waqt li wieħed jista’ jargumenta li Bernard Grech qiegħed iwebbes rasu, huwa fatt li dawk li qed jitolbu l-bidla għadhom ma pproponew lil ħadd li jista’ jieħu over dan il-partit. Anzi l-proposta ta’ Metsola hija waħda zoppa għaliex mhux ċar jekk hix interessata tiġi Malta biex tmexxi l-PN jew le. Fuq kollox, ċertu ħmerijiet li qed tagħmel qed tnaqqas u mhux iżżid il-popolarita’ tagħha.

Waqt li hemm qbil intern li Bernard Grech ma jistax jibqa’ jmexxi dan il-partit u bih qatt ma tista tintrebaħ elezzjoni, dawk stess li għamluh huma mitlufin. Il-fatt li dawk li għamluh issa qed jipproponu lil Metsola – u hawn qed nirreferi b’mod partikolari għal The Times, The Malta Today u l-gazzetta tal-knisja – tnaqqas mis-saħħa tal-proposta tagħhom. Infatti, rajna lil The Times, permezz tal-fundazzjoni tagħha timbotta l-kandidatura ta’ Metsola jew ittella’ artikli biex iddgħajjef lil Adrian Delia.

Mela issa dawn il-gazzetti qed jammettu li l-għażla ta’ Bernard Grech kienet waħda żbaljata. Imma l-problema hija din. It-tabib li mardek ma jistax ikun dak li jfejqek! Mela dawn il-gazzetti huma l-inqas ilħna li jistgħu joffru soluzzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista. Iż-żmien tagħhom għadda u s-soluzzjonijiet li offrew fl-imgħoddi fir-rigward tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kkulminaw fi tkaxkira kbira fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet.

Fuq kollox, il-mod kif qed jitkellmu u jiddefendu l-pubblikazzjoni ta’ dawn iċ-chats jikkonferma dan kollu. B’dak li għamel Mark Camilleri u l-media ħbieb tiegħu wassal biex il-każ ta’ Steward ġa ntesa u n-nies ma għadhiex titkellem dwaru. Minflok, infexxet titkellem fuq il-kontenut sesswali ta’ dawn iċ-chats u Rosianne Cutajar.

Mela dak li jista’ jiġi konkluż hu li waqt li l-futur ta’ Bernard Grech jibqa’ nċert, il-mainstream media żgur li ma għandhiex il-kredenzjali biex tagħti parir lill-PN dwar il-futur tiegħu. Anzi b’dak li qed tagħmel qed id-dgħajjef u mhux issaħħaħ lill-PN. Jekk xejn, Mark Camilleri kien kapaċi jaħdem waħda sew lill-PN u juża lill-media biex ikompli jtellef il-kredibilita’ tal-Partit Nazzjonalista. Min-naħa tiegħu, b’ċertu stqarrijiet jew risposti li Bernard Grech qed jagħmel, qed ikompli jikkonferma li ser ikun diffiċli għall-PN biex verament javvanza ‘l quddiem. Anzi kull vantaġġ politiku li ħa mill-kawża ta’ Steward, ġa beda jitilfu. Verament kif ngħidu bil-Malti, strateġija politika bażwija.

3 thoughts on “Bernard Grech ma tgħallem xejn mill-attakki personali li fl-imgħoddi kienu saru kontra Adrian Delia

  1. Skuzi biex tiddefendi l yorgen Fenech insejt li fic chats urew relazzjoni mill vicin bejn yorgen u l poter f kastilja. Urew li rosianne tametti li thanzret f paga sekondarja bhal ministri ohra. Dwar hajja privata naqbel. Ma kellhomx johorgu. Imma konvenjament qed tqarraq u thalli barra punti li semmejt

  2. L-MP Laburista Rosianne Cutajar sfidat lil Mark Camilleri jġib il-provi ta’ dak li qal fuqha.

    Jekk ma jġibx dawn il-provi, jista’ jeħel il-ħabs u multa kbira.

    Mark Camilleri laqa’ l-isfida u ġab il-provi.

    Ħadd ma jista’ jċaħħad lil xi ħadd milli jġib il-provi li jneħħu mkinn fuqu l-ħtija li ħaddieħor ikun qed jipprova jitfa’ fuqu b’gideb.

Leave a Reply to ĦaqqGħaqalQawwaQies Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *