Żewġ aħbarijiet u żewġ realtajiet ta’ munita’ waħda; il-faqar u l-ġid fil-Knisja Maltija

Minn osservatur politiku

Fil-gazzetti kellna żewġ aħbarijiet li jistgħu jistonaw meta jkunu flimkien. Imma ma tistax taħrab il-fatt li l-bank magħruf tal-knisja jiġi mqabbel mal-kċina tal-Franġiskani. It-tnejn flimkien jistgħu jħalluk bla kliem u jissorprenduk. Fuq naħa għandna knisja li taħdem biex titma lil min hu bil-ġuħ u fuq l-oħra għandna bank marbut mal-knisja li ġustament qed jagħmel il-profitti. F’dan il-kuntest, wieħed jawgura li parti minn dawn il-profitti jintużaw – u ma għandix dubju li dan qed isir – biex jgħin lil dawk fil-knisja li qed jagħmlu opri tal-ħniena ma’ min hu fil-bżonn.

Għalhekk hu sabiħ li taqra li l-APS Bank għadu kif ħabbar li għamel qliegħ, qabel it-taxxa, ta’ €28.9 miljuni fis-sena 2022 waqt li l-grupp tal-knisja għamel profit ta’ €15.7 qabel it-taxxa, għall-istess sena. Mela meta taqra b’dawn il-profitti, huwa mportanti li – jekk dan mhux diġa’ qed isir – jibda jsir billi dan il-bank jgħin lill-kċina tal-Patrijiet Franġiskani li qed tagħmel tant karita’ ma’ ħafna nies. Fil-fatt il-Franġiskani kienu qalu li fl-2022 temgħu mal-30,000 persuna u li għamlu 120,000 platt.

Hija xi sabiħa li tara l-knisja, jew istituzzjonijiet fi ħdana jgħinu fejn hemm l-iżjed bżonnijiet. Dak li hu żgur li l-kċina tal-Franġiskani hija waħda mill-istituzzjonijiet li qed taħdem direttament ma’ nies li huma fil-bżonn kull jum tal-ġimgħa.

Mela waqt li hu sabiħ ukoll taqra li bank tal-knisja għamel il-profitti – għax finalment dan iħaddem ħafna nies u jrid iħallashom – huwa wkoll sabiħ, li mingħajr ma joqgħod idoqq trombi, dan il-bank jara wkoll li l-opri tal-ħniena, inkluż dik li n-nisrani għandu jitma lil min hu bil-ġuħ tkun imwettqa. Jekk parti minn dan il-profitt ma jiġix użat biex jiġu mgħejjuna nies fil-bżonn, li jirrikorru għand il-knisja kuljum, allura dawn il-profitti ma għandhomx valur quddiem Alla. Imma jekk qed jiġi mgħejun min hu fil-bżonn, allura kliem San Pawl fl-ittra lin-nies ta’ Filippi tirrifetti dawn ir-realtajiet differenti li kienu preżenti fil-ewwel żmien tal-knisja u għadhom preżenti elfejn sena wara fil-Knisja Maltija:

naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. [Fil:4:13]

One thought on “Żewġ aħbarijiet u żewġ realtajiet ta’ munita’ waħda; il-faqar u l-ġid fil-Knisja Maltija

  1. to be fair, the dividends on the profits of APS go a long way in paying for many of the charitable work undertaken by the Church. Besides from my own experience is the most socially oriented bank in Malta – I know for example people who have been in difficulty getting moratoriums on their home loans etc.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *