Le – Daphne ma kellhiex raġun: Kieku kellha raġun kieku ġa għamlu kawża biex iwaqqgħu l-kuntratt tal-Electrogas.

Wara li Adrian Delia rebaħ il-kawża kontra l-Vitals u Steward Healthcare, dawk li jissapportjaw lil Daphne Caruana Galizia ħarġu jgħajtu li Daphne Caruana Galizia kellha raġun. Jekk xejn din il-kawża wriet li Daphne Caruana Galiza ma kellhiex raġun fuq dak li għamlet u qalet kontra Adrian Delia. Infakkar li Daphne Caruana Galizia għamlet kruċjata kontra Adrian Delia għax ma riditux kap. Wara li nqatlet, dawk li jissapportjaw lil Daphne Caruana Galizia komplew b’din il-kruċjata biex ikeċċu lil Adrian Delia minn kap tal-partit u rnexxilhom. Mela fejn għandha raġun Daphne f’dan kollu? Li kien għad-deputati li huwa mitqiesha bħala ta’ Daphne, Adrian Delia mhux biss ma għadux kap imma l-anqas huwa membru parlamentari. Infakkar li dawn l-anqas fil-parlament ma rieduh! Infakkar li din il-kawża infetħet minn Adrian Delia fil-kapaċita’ tiegħu ta’ deputat. Mela meta dawn id-Delfinisti kienu qed jitolbu għat-tkeċċija ta’ Adrian Delia, kienu qed jgħidulu ċar li ma rieduhx ikompli b’din il-kawża. Kieku ma baqax deputat, kif riedu d-Delfinisti, din il-kawża kienet taqa’ jew addirittura l-anqas kien ikun jista’ jiftaħa! Daqshekk kien jimpurtahom id-Delfinisti mill-kuntratt tal-Vitals u Steward Healthcare.

Infakkar li Daphne Caruana Galizia qalet balla gideb fuq Adrian delia. Delia fetaħ numru ta’ libelli imma wara li nqatlet Daphne, b’rispett lejn il-memorja tagħha, irtirahom unconditionally, jiġifieri mingħajr ma talab xejn biex ikunu irtirati. Infakkar li kien hemm libelli oħrajn kontra Daphne li ma ġewx irtirati u llum il-qorti qatgħetha li kienu libellużi jew mhux veritieri. Fi kliem ieħor, Daphne ma kienetx irrappurtat is-sewwa. Imma llum din hija parti mill-istorja.

Infakkar lil dawk kollha li qed jgħidu li din ta’ Steward Healthcare hija bis-saħħa ta’ Daphne biex jiftakru li skont l-inkjesta pubblika, Daphne Caruana Galizia ma nqatletx minħabba dan il-kuntratt tal-Vitals imma minħabba l-kuntratt tal-Electrogas. Issa jekk dawk id-deputati nazzjonalisti, inkluż Jason Azzopardi li qed jiftaħar li din il-kawża ntrebħet grazzi għal Daphne, għaliex ma fetaħx huwa stess, meta kien deputat, kawża bħal ta’ Adrian Delia kontra l-Electrogas u talab li l-kuntratt mal-Electrogas jiġi mħassar?

Qed ngħid dan għaliex Jason Azzopardi qal li hu ried jiftaħ din il-kawża imma Delia ma ħallihex. tant kemm hemm kuntratti frodolenti, li Azzopardi dejjem seta’ kawża oħra. Għala qatt ma fetaħ kawża, meta kien deputat biex iwaqqa’ l-kuntratt tal-Electrogas jekk kien jemmen li warajh hemm il-korruzzjoni?

Fuq kollox Jason Azzopardi u sħabu jemmnu li dan il-kuntratt tal-Electrogas huwa wkoll kuntratt ivvizzjat. Tant hemm skandli warajh, li skont huma – u magħhom tliet imħallfin li għamlu l-inkjesta pubblika – jemmnu li Daphne Caruana Galizia nqatlet minħabba fih. Imma mbagħad ħadd mid-deputati li jemmnu dan, ma fetħu kawża fil-qorti biex jippruvaw li dan hu kuntratt frodolenti.

Ir-raġuni hija li din l-inkjesta pubblika spiċċat kangaroo court. Imma fil-qorti trid iġġib il-provi. Ħadd mid-deputati li kienu jgħajtu li dan hu kuntratt korrott ma kellu l-bajd kbir biex jiftaħ kawża bħal din biex iħassar dan il-kuntratt!

Din hija prova oħra li turi kemm kienet u hija falza n-narrattiva għala nqatlet Daphne Caruana Galizia. Dawn huma l-fatti li qed jagħmlu ħsara lill-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading