X’inhi l-istrateġija wara l-aħħar survey tal-Malta Today? Li tagħmel survey li jogħġob kemm lill-Gvern u lil-Liberali tal-PN
Anki jekk Robert Abela ressaq din l-emenda fis-sena 2022 biex tkun il-bogħod biżżejjed u jkun żgur li din l-emenda u l-effetti tagħha u ma jeffettwawx kif jivvutaw in-nies fl-elezzjonijiet, l-elezzjonijiet Ewropej huma fil-qrib u tidher li ser ikollha effett. U jekk il-Lejber imur ħażin fihom, dawn ser ikollhom effett anki fuq l-elezzjoni ġenerali anki jekk din hija l-bogħod. U jekk hemm prova ta’ dan, dan kien l-aħħar survey li sar.
Minħabba l-Woke li hemm fil-PN, l-emenda ma tatx xi tama lill-Partit Nazzjonalista. Ma ppreżentatx l-ebda xaqq ta’ dawl. B’hekk xorta mhux ser twassal biex issalvah. Infakkar li n-nies illum qed imexxu l-aġenda u mhux il-Partit Nazzjonalista li fuq din il-kwistjoni tal-abort qatt ma kien ċar. Huwa inulti li llum persuni bħala Fr. Joe Borg joqgħod jiktbu jew jagħtu pariri lil Bernard Grech meta dawn, sa ftit żmien ilu kien jipprietkaw l-kontra u kien jgħidu lin-Nazzjonalisti biex ma joqgħodx jeqirdu fuq l-abort. Din hija waħda mir-raġunijiet għala l-PN mhux qed iħalli ħoss anki meta jingħaqad wara aġendi li hemm il-poplu Malti bi ħġaru warajhom.

Issa il-Partit Nazzjonalista qed jinduna li jista’ jerġa’ jsib lilu nnifsu billi l-elettorat jibda jħares lejh b’mod pożittiv, u dan jista’ jagħmlu biss billi jneħħi l-immaġni mqita’ tiegħu. Imma minflok jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni emmen dak li qallu Salvu Balzan dwar l-abort u fl-aħħar Kunsill Ġenerali bil-kemm kien hemm referenza għalih. Irrefera għalih Mario de Marco u l-mod kif tkellem serva ta’ aktar ħsara milli ġid. Aktar kien jimpurtah mill-vot liberali milli min dawk li huma kontra l-abort.
Mela llum l-PN spiċċa bħala Labour. Qiegħed jilgħab bil-kliem waqt li għandna lil Salvu Balzan jilgħab bis-surveys. Mela fuq naħa sar survey biex jogħġob lil Robert Abela għaliex tah l-illużjoni li pożizzjoni li ħa l-Partit Laburista favur l-abort ma kelliex effett fuq il-Lejber. Anzi, Salvu Balzan qalilna permezz tal-mouthpiece tiegħu, li din żiedet il-vantaġġ tal-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista.
Mela dan is-survey irid jitqies bħala parti mil-logħba li għaddejja mill-Liberali. Fuq naħa qed jogħġbu lil-Lejber. Fuq in-naħa l-oħra qed iservu lill-PN. Infakkar li dan is-survey ta bidu għall-għajta interna fil-Partit Nazzjonalista biex jinbidel il-kap. Kien hemm deputati u uffiċjali li marru fuq Bernard Grech direttament u talbuh biex jirreżenja. Fid-Dar Ċentrali l-għajta hija li dan is-survey sar minn enġineer Għawdxi li hu midħla ta’ wieħed mill-eks-ribelli li kienu wara t-tneħħija ta’ Adrian Delia. Dawn ir-ribelli llum iridu jneħħu lil Bernard Grech. Mela, f’dan is-survey, il-Malta Today laqtet żewġ għasafar. Għoġbot lill-PL għaliex qaltlu l-abort mhux qed itellfu mill-voti. Għoġob lir-ribelli liberali tal-PN għax xegħel in-niċċa biex jibda l-proċess ħalli Bernard Grech jitlaq.
Imma l-Malta Today trid tieqaf tagħmel surveys li jidher ċar li huma maħsuba għal-logħob bil-kliem u parti minn logħba politika ikbar. Issa ser tibda l-logħba tal-logħob bil-kliem anki fil-Partit Nazzjonalista. Il-Kunsill Ġenerali kien konferma ta’ dan. Ma hemmx dubju, li s-survey li għadda kien PR exercise tajjeb ħafna għal-Lejber Party biex jinġabar man-nies tiegħu, waqt li jista jkompli jigdeb. Imma mhux inqas kien PR tajjeb għal dawk il-liberali fil-PN li issa jridu jneħħu lil Bernard Grech.
Mela l-PN mhux qiegħed f’qagħda aħjar. Mela l-perċezzjoni li qed tinbena hija dik li l-PN huwa l-partit tal-giddibien. Ġa għandna perċezzjoni li hu partit elitista. Ġa din ma tistax tqabbdu t-triq għall-rebħiet elettorali. Il-perċezzjoni ta’ partit tal-giddibien ser tqabbdu t-triq tal-abbissi.
Dak li għandu jagħmel il-PN huwa li jieqaf jorbot lilu nnifishu ma’ dak li jgħidulu l-akkademiċi. L-akkademiċi u l-knisja ġabuh żugraga. Ġa għamel żball il-PN fil-kwistjoni tal-abort li rabat lilu nnifsu mal-proposta li ħarġu biha l-akkademiċi. Ħaseb li meta ser jagħmel hekk kien ser jidher bħala partit tal-anġli u l-Lejber bħala partit tax-xjaten. Infakkar lill-PN, li llum il-media kollha, inkluż dik tal-Knisja hija woke. Il-preżentaturi fuq il-media tal-knisja llum spiċċaw jiżżufjettaw ruħhom b’insara li jemmnu.
Imma min għandu ftit żejt f’moħħu qed jinduna li kemm l-oppożizzjoni u anki l-gvern saru l-istess u din hija r-raġuni għala l-partit tan-non-voters qed jiżdied. Mela kontra dawk li jixtiequ l-Liberali fil-Partit Nazzjonalista, il-Partit Nazzjonalista għandu jibqa’ jtambar fuq din il-kwistjoni tal-abort, anki jekk tal-Malta Today qaltlu li bħala oppożizzjoni ma ggwadanja xejn minn din l-emenda għaliex ma kellhiex effett fuq l-andament tal-gvern. Infakkar li ħafna mir-riformi hekk imsejħa progressivi tax-xellug ġabu frakass fejn iddaħħlu. L-iSvezja qed tibdel l-policy tagħha tat-tagħlim tal-ġeneru lit-tfal. Amsterdam qed tagħmel tibdil fuq l-użu tal-kannabis. Infakkar li Amsterdam ġiet ippreżentata bħala mudell mill-ġurnalisti woke li Malta għandha timita fil-leġislazzjoni tal-kannabis. Għalhekk jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jerbaħ l-elezzjoni jrid ikun oppożizzjoni b’saħħitha għal kull ma jgħid il-Partit u l-Gvern Laburista.
Mela waqt li l-gvern ser ikun qed ifittex biex jagħlaq dan id-dibattitu, il-PN irid jkompli bin-narrattiva tiegħu li din l-emenda qed tiftaħ it-triq għall-abort “on demand” u jibda jitkellem dwar dawk it-tobba li ser ikunu qed iħaxxnu bwiethom minn din l-emenda. Jekk jagħmel hekk, il-PN jissaħħaħ u mhux jiddgħajjef fix-xhur li ġejjin. Dak li ma għandux jagħmel huwa biss li jagħmel din l-issue il-karru di battaglia tiegħu. Din trid tkun waħda mill-issues f’qawsalla ta’ issues li l-PN irid jiġġieled kontra tagħhom fl-elezzjoni li ġejja. Infakkar li suġġett wieħed ma jrebbaħx elezzjoni. Il-PN irid jerġa’ jsir mużajk li jiġbor ġewwa ħdanu numru differenti ta’ ħsibijiet ta’ natura Konservattiva, jiġifieri ħsibijiet li jemmnu fil-progress permezz tal-ħarsien tat-tradizzjoni. Fi kliem ieħor irid jiġġieled kontra dak kollu li qegħdin jipproponu dawk li huwa Woke. L-elezzjoni li ġejja mhux ser tkun id-determinata miż-żgħażagħ imma mill-vot ta’ dawk ‘il fuq mill-erbgħin sena!