Is-sindku tal-Mosta u l-proġett ta’ Triq San Silvestru
Minn resident Mosti.
Fis-snin li ġejjin fil-Mosta tista’ tiftaħ pastizzerija jew take-away f’kantuniera fi triq kummerċjali, Vjal l-Indipendenza li jkollha spazju tajjeb għal siġġijiet u mwejjed numerużi quddiemha. Ġa nista’ noffri l-isem għaliha; jistgħu jsejħulha Pastizzerija San Silvestru. Għaliex qed inxomm dan?
Għalkemm m’iniex Mosti, ilni noqgħod il-Mosta dawn l-aħħar tletin sena. Għalhekk mort għal-laqgħa pubblika ta’ konsultazzjoni dwar is-sistema ġdida tat-traffiku li l-Kunsill Lokali tal-Mosta organizza flimkien mal-GRTU is-Sibt li għadda, 21 ta’ Jannar, fis-sala tal-komunita’.
Ħriġt ferm iddisappuntat minn din il-laqgħa li ddeġenerat f’tgħajjir speċjalment lejn l-aħħar b’intervent minn xi ħadd li nfexx f’botti politiċi partiġjani indirizzati lis-sindku ta’ 28 sena ilu. Imbasta qal kemm hemm għaqda!
Nixtieq ngħid ċar u tond illi minn dak kollu li ġie propost dwar it-traffiju, ir-riallokazzjoni taċ-ċentru ċiviku eċċ, ma għoġobni xejn għax xejn m’hu sew ħlief forsi għal ħaġa waħda. Qed nirreferi għaż-żona pedonali ġdida proposta madwar il-Kappella ħelwa ta’ San Silvestru fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta.
Is-Sindku qal li ħasra li dil-kappella spiċċat qiesha roundabout. In-nies u l-anzjani li jersqu hemm lanqas jistgħu jaqsmu b’mod sigur u min jisma’ l-quddies hu assedjat mit-traffiku. Lanqas il-festa ma ssir sew. Għal darba is-sindku rebaħni lejh għaliex dawn il-festi ħelwin tal-kappelel iż-żgħar lili jogħġbuni.
Għalhekk interessajt ruħi u mort mixja fl-inħawi tal-kappella biex nara u nistaqsi.
Kien hemm anzjan bir-rota li tani tagħrif dwar min kien jieħu ħsieb il-kappella ta’ San Silvestru. Skoprejt li din il-kappella m’hijiex tal-Knisja imma hi propjeta’ tal-gvern. Xorta jsir il-quddies fiha bi ftehim mal-parroċċa tal-Mosta u bħalissa jieħu ħsiebha b’dedikazzjoni liema bħalha żagħżugħ Mosti li hu artist kapaċissimu. Qaluli li sa kemm miet il-mibki rettur tagħha, Dun Salv Magro, kienet isir quddies kuljum fil-għaxija fil-ħamsa u nofs. Nhar ta’ Ħadd il-quddies kien fis-sebgħa ta’ fil-għodu. Minn mindu miet. il-quddies f’din il-kappella m għadux isir b’mod regolari.
Diġa’ bdejt nintebaħ li l-istampa m’hijiex eżatt kif iddeskriviha is-sindku tal-Mosta fil-laqgħa li saret. Il-kappella hi magħluqa u dunque lanqas anzjani m’għadhom jersqu ‘l hemm. Lanqas il-festa li s-sindku semma fil-verità ma ssir għas-sempliċi raġuni li din taħbat fil-31 ta’ Diċembru. Issir biss quddiesa kantata bil-priedka dak in-nhar. Kultant jarmaw żewġ arbli żgħar tal-ħadid bi bnadar ċkejknin tal-Papa u ta’ Malta quddiem l-għatba tal-kappella. Naqra liedna mal-faċċata u xejn aktar.
Fl-antik, fi żmien Dun Salv kien isir iżjed minħabba li l-quddies kien regolari u kien jagħmel xi ħaġa, dejjem ġewwa biss, għal Santa Rita, li taħbat f’Mejju. Il-quddiesa tal-festa ta’ San Silvestru issir kmieni kemm minħabba l-biża’ tal-maltemp xitwi imma wkoll ħalli s-saċerdot u min jieħu ħsieb ikun jista jmur il-parroċċa għall-quddiesa tat-Te Deum tal-aħħar tas-sena. Jiġifieri timmaġinawx xi banda, murtali u armar kif is-soltu nifhmu meta nisimgħu bil-kelma festa.
Nistaqsi, mela għaliex is-sindku qagħad jiġġustifika dan il-proġett taż-żona ta’ San Silvestru b’dal-ħafna diskors sabiħ dwar kemm inħobbu l-knisja u l-festa jekk saħansitra il-parroċċa dil-kappella għalqitha minħabba nuqqas ta’ qassisin?
Il-qatgħa l-kbira għadha ġejja. Sirt naf li eżatt biswit din il-kappella hemm blokka ta’ appartamenti b’showroom fejn s-sindku għandu l-uffiċini tiegħu fil-Mosta. Jidher li dawn huma mikrija. Dan skoprejtu mill-map server tal-PA. Forsi din m’hi xejn għajr kumbinazzjoni għax wara kollox Malta hija żgħira u s-sur sindku ikollu ħafna applikazzjonijiet fuq il-Mosta. Imma tista’ ma tixgħellekx bozza ħamra ġo moħħok dwar ċans ta’ kunflitt ta’ interess? Is-sindku qalilna li l-idea mhux minnu ġiet imma minn Transport Malta.

Sfortunatament sirna li kull meta issir proposta, anke tajba, irridu nfittxu x’jista’ jkun hemm warajha. Mill-pjanta tal-proġett jidher ċar li l-aktar li se jgawdi minn dan il-proġett ta’ San Silvestru hu s-sid ta’ dik il-blokka fil-kantuniera, hu min hu, bejn Vjal l-Indipendenza u Triq San Silvestru. Mhux biss se jiżdiedlu l- parkeġġ b’mod konsiderevoli (mentri l-bqija tar-residenti msallbin) imma saħanistra se jkollu spazju pedonali quddiemu imsebbaħ bi proġett magħmul mit-taxxi li nħallsu jien u inti. Is-sid ta’ dik il-blokka jista’ faċilment jiftaħ stabilliment tal-ikel fi triq traffikuża bħal xi take away u se jkollu spazju għall- imwejjed u siġġijiet kemm irid.
Imbasta fil-laqgħa pubblika qalulna kemm iħobbu il-knisja, lill-anzjani taż-żona u il-wirt Mosti u lill-festa ta’ barra ta’ San Silvestru li ma teżistix.
Għalhekk nemmen, li jekk jeżistu konflitti ta’ interess, anki jekk dawn huma marbuta max-xogħol jew kirijiet, iridu jkunu ddikjati minn qabel, speċjalment jekk il-persuna li tkun qed tmexxi l-proġett tkun fil-politika u b’xi mod ser tkun affettwata minnu.

Dan is-sit bagħat numru ta’ mistoqsijiet lis-Sindku tal-Mosta biex jistaqsih jekk dwar din l-istorja u jekk hux minnu li hu għandu xi konflitt ta’ interess meta qed jimbotta dan il-proġett u jekk kienx involut f’xi żvilupp f’din iż-żona li minnu ser ikun qed igawdi dan l-iżvilupp. Is-Sindku Chris Grech bagħat tweġiba twila u dettaljata lil dan is-sit li qed tkun ippubblikata f’artiklu separata. Imma meta mistoqsi dwar applikazzjoni partikolari, jiġifieri dik li ġġib in-numru PA/02606/04, u jekk hux il-perit tagħha, dan is-sit baqa’ bla tweġiba, anki jekk din kienet marbuta mal-uffiċju tiegħu u kienet ġiet rifjutata. Il-link għat-tweġiba tas-sindku tal-Mosta jinsab hawn.
