Il-gruppi ta’ Richard Caruana Cachia u dawk ta’ Austin Gatt iħammu fuq il-pass li jmiss fil-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-ġimgħa rajna wieħed mill-aħħar ġenerali li kien hemm jaħdmu fid-Dar Ċentrali jitlaq. Hu ċar li dan ukoll qata’ qalbu u ta r-reżenja tiegħu. Rudolph Marmara tefa’ r-riżenja tiegħu wara survey disastruż ieħor. Dan kien wieħed qrib ħafna ta’ Bernard Grech wara li kien qaleb l-affinita’ tiegħu minn ma’ Adrian Delia. Issa donnu rrealizza jew qata’ qalbu li ma hemmx futur għall-Partit Nazzjonalista.

Issa nistgħu ngħidu li d-Dar Ċentrali ġiet imneżża kollha mill-assistenti li kellu madwaru Bernard Grech. Marmara kien l-aħħar wieħed li baqa’ jiġġieled biex forsi joħroġ xi ftit ġid minn dan it-taħwid kollu li qiegħed fih il-Partit Nazzjonalista. Ta’ min jistaqsi lil Marmara jekk qabel telaq tax xi parir lil Bernard Grech dwar x’għandu jkun il-pass li jmiss?

Ta’ min jgħid li min-numru mdaqqas ta’ assistenti li kien hemm fil-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni ġenerali, wieħed, wieħed kollha telqu jew dabbru rashom wara li kienu pappuwha sew minn fuq dahar il-Partit Nazzjonalista. Id-Dar Ċentrali spiċċat qisha ċimiterju u donnu qed naraw tant apatija li ma hemm ħadd li lest li jieħu post ta’ dawn li telqu. Nibża’ li l-PN qiegħed f’sitwazzjoni li jekk jiġi biex jitlaq Bernard Grech, ser ikun hemm anki diffikulta’ biex jinstab xi ħadd li jista’ verament jirrappreżenta l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Anzi, jekk l-affarijiet ser jinħadmu kif jidher qed jinħadmu, ser ikun hemm aktar inkwiet għall-PN.

Imma ma għandix dubju li xi ħadd mir-Repubblichini jipprova jitfa’ għajnejh fuq din il-kariga. Infatti, dan is-sit jista’ jiżvela li hemm erba’ fazzjonijiet prinċipali. Hemm Adrian Delia u dawk id-deputati li jħossu li ma kienx sew li tneħħa. Dawn huma l-inqas jew xejn voċiferi kontra Bernard Grech. Fi kliem ieħor, dawn ma jridux li dak li ġara fil-passat jerġa’ jiġri llum. Dawn jafu li t-tneħħija sforzata ta’ Bernard Grech minn mexxej aktar ħsara lill-Partit Nazzjonalista ser iġġib.

Imbagħad hemm il-grupp ta’ Austin Gatt, li fih hemm Beppe Fenech Adami. Dan kien il-grupp wara l-għażla ta’ Bernard Grech. F’dan il-grupp hemm Ivan Bartolo tas-6 PM li minn barra jitkellem u jgħid kemm hemm għaqda imma minn ġewwa jissemma bħala d-deputat li lest jerġa’ jħalli s-siġġu tiegħu fil-parlament jekk dan il-grupp iġib mexxej minn barra biex jieħu post Bernard Grech. Infakkar li dan kien ċeda s-siġġu lil Bernard Grech. Ta’ min ifakkar li dan il-grupp kien il-grupp li qiegħed lil Bernard Grech bħala mexxej. Illum dan huwa l-grupp li jrid itajru u jrid jerġa’ jiddetta min ikun il-kap tal-PN. Dan is-sit jinsab infurmat li f’dan il-grupp ingħaqad ukoll Jason Azzopardi.

Imbagħad hemm il-grupp tar-Repubblichini li huwa rrappreżentat fil-PN minn Karol Aquilina. Wara dan il-grupp hemm l-id moħbija ta’ Richard Caruana Cachia u Louis Galea li għadhom iridu jiddettaw x’jiġri fil-Partit Nazzjonalista. Dawn ukoll iridu mexxej ġdid. Hu magħruf li llum Karol Aquilina qed jinsisti dwar il-bżonn li jinbidel il-mexxej tal-PN u wieħed ma jeskludix li anki għamel dan il-ħsieb ċar lill-istess kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu.

Imbagħad hemm il-grupp ta’ Bernard Grech. Dan hu grupp ristrett ħafna magħmul minn dawk id-deputati li jafu l-pożizzjoni fil-parlament lilu. Imma dan il-grupp ma għandux is-support tat-top brass fl-amministrazzjoni tal-PN jew in-nies tal-istamperija. Dan huwa sinjal ċar li t-top brass tal-PN tilfu l-entużjażmu li seta’ kellhom u qatgħu qalbhom li jaraw xi progress bit-tmexxija tal-partit. Kif ħabbar dan is-sit, issa fadal biss Michael Piccinino fi ħdan is-segretarjat tal-Partit Nazzjonalista li hu mitqies ta’ Bernard Grech. U x’ser jagħmel waħdu Piccinino kontra dawn il-gruppi? Xejn. Piccinino għadu żgħir u għandu ħafna x’jitgħallem fil-politika. Allura nistgħu nikkonkludu li anke jekk ser jipprova jsib saqajh, dawn il-gruppi huma ikbar minnu.

Mela bil-fors tasal għall-konklużjoni li l-kap tal-partit jinsab aktar dejjem waħdu fost dawk li jaħdmu l-istamperija. Huwa spiċċa iżolat għal kollox mill-istess nies li qegħduh fit-tmexxija tal-partit. Ħlief għal numru żgħir ta’ deputati, spiċċa waħdu u ma għandux ma’ min jiddiskuti l-istrateġija ta’ partit li suppost qed joffri l-aħjar oppożizzjoni lill-partit fil-gvern. Imma dawn id-deputati huma kollha prinċipjanti u mingħajr egħruq fil-Partit Nazzjonalista. Imma dak li għandu favur tiegħu dan ir-raba’ grupp huwa li dawk li qegħdu lil Bernard Grech fit-tmexxija huma maqsuma bejn żewġ kurrenti kbar. It-tnejn iridu jneħħuh, imma mhux kapaċi jmorru għand il-President ta’ Malta biex jgħidulu li Bernard Grech ma għadux il-kap tagħhom!

Mela anki l-grupp parlamentari hu maqsum f”erba’ gruppi prinċipali. Imma dawn il-gruppi kollha kellhom bżonn iqumu fuq tagħhom u jirriflettu fuq ir-responsabilita’ li waqgħet fuqhom. Il-problema ta’ dawn il-gruppi hija kbira. Il-biża’ tiegħi hija li dawk iż-żewġ gruppi l-akbar voċiferi kontra Bernard Grech, jiġifieri dak ta’ Richard Cachia Caruana u dak ta’ Austin Gatt, mhux qed iħarsu lejn l-interessi tal-Partit Nazzjonalista imma lejn dawk tagħhom. Dawn iridu jitgħallmu jkunu onesti magħhom infushom, mal-partitarji tal-partit tagħhom u ma’ Malta u Għawdex kollha. Iridu l-ewwel janalizzaw x’ser ikun l-aħjar pass li jridu jieħdu biex jagħtu oppożizzjoni li tispira fiduċja. Ikun ħażin għall-Partit Nazzjonalista li wieħed jasal għall-konklużjoni li jekk Bernard Grech tilef kull appoġġ mill-maġġoranza ta’ madwaru, allura dan ifisser li tilef l-appoġġ tal-grupp parlamentari kollu. Kif għidt, hemm deputati li jafu posthom fil-parlament lilu.

Min-naħa l-oħra, l-istatus quo ma jistax jibqa’ dak li hu. Trid tittieħed id-deċiżjoni dwar il-mossa idonea li jmiss. Il-mossa trid tkun dik li tista’ tqabbad it-triq ta’ tiġdid li tant għandu bżonn il-Partit Nazzjonalista. Imma wieħed irid joqgħod attent li jekk bil-mossa li jmiss, il-Partit Nazzjonalista ser ikun mogħti fuq platt tal-fidda lir-Repubblichini jew nerġgħu nispiċċaw b’mexxej ieħor impost mill-grupp ta’ Austin Gatt, allura din mhux ser ikun hemm l-għaqda tant meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista.

Mela dak li għandu jsir huwa li l-ewwel trid tiġi mfejqa l-ħsara li saret minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ Austin Gatt u Richard Cachia Caruana meta għall-kapriċċi tagħhom, qatt ma aċċettaw lil Adrian Delia bħala mexxej ta’ dan il-partit. Jekk mhux ser jiġri hekk, it-tneħħija ta’ Bernard Grech tkun tfisser biss li l-Partit Nazzjonalista jispiċċa minn ġot-taġen għal ġon-nar! U povru jew povra tkun dik il-persuna li toħodlu postu.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading