Konferenza stampa tal-PN li aħjar ma saret xejn
Minn osservatur politiku
Għadna kif kellna konferenza stampa mill-Partit Nazzjonalista fejn rajna tliet uċuh li mingħajr dubju kulħadd jafhom sewwa. Huma tliet deputati li huma magħrufin aħjar bħala tlieta mill-famużi blue heroes li għamlu l-ħajja tal-eks-kap tagħhom infern. Huma tliet deputati marbutin mar-Repubblichini.
Mela dawn it-tlieta min-nies kienu fost numru ta’ deputati oħra li ddeċidew li għandu jitneħħa kap ta’ partit għaliex ma rieduhx iżjed minħabba l-ambizzjonijiet personali tagħhom. Dawn it-tlieta min-nies ma huma ħadd ħlief Karol Aquilina, Ryan Callus u Mark Anthony Sammut.
Dawn kienu bnew in-narrattiva dak iż-żmien fuq dak li kien intqal minn Jason Azzopardi. Azzopardi kien qala’ minn żniedu ħafna dubji fuq l-andament ta’ Adrian Delia bħala kap. Dawn it-tlieta rikbu fuq il-karru ta’ Azzopardi u tar-Repubblichini u kienu minn ta’ quddiem biex mexxew ir-rewwixta kontra l-kap tagħhom stess.
Jidher li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn minn din l-istorja. Fl-istrateġija jew in-nuqqas tagħha, reġa’ poġġa fuq quddiem lil dawn it-tliet deputati biex flimkien imexxu konferenza fejn ikkritikaw lill-Gvern dwar t-tibdil fil-liġi biex jiġi appuntat il-Kummissarju tal-iStandards fil-Ħajja Pubblika. Dan għamilha faċli għall-Partit Laburista biex ikisser il-messaġġ politiku tagħhom.
Din hija t-tip ta’ strateġija li l-Partit Nazzjonalista għandu jevita għaliex din titfa’ dubji fuq it-tmexxija u tikkonferma kif dan l-istess partit għadu maħtuf, bħal ma kien f’dawn l-aħħar snin, minn din il-klikka li min għalihom li l-Partit Nazzjonalista ħallihulhom fil-wirt xi familjari tagħhom.
B’hekk preżenza bħal din tittieħed bħala konferma jew sinjal pjuttost qawwi li din l-imbierka klikka jew kif inhu magħruf ukoll, l-establishment, għadhom jaħsbu u jiddettaw l-aġenda tal-Partit Nazzjonalista. Dan meta bħalissa hemm kap li suppost li ilu li qered din in-narrattiva li għamlet tant ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Dawn it-tliet Repubblichini miġburin flimkien biex jagħtu din il-konferenza stampa bagħtu messaġġ ħażin lill-elettorat. Infatti, il-konferenza tagħhom ma ħalliet l-ebda effett. Din hija l-problema kbira li qed ikollu l-Partit Nazzjonalista meta jressaq lil dawn in-nies. Hawn fejn l-istrateġija mhux qed taħdem. L-istorja tal-abort għandha tiftaħ għajnejn lill-istrateġisti ta’ dan il-partit. Għax ir-Repubblichini huma favur l-abort, baqgħu barra minn din il-ġlieda. X’ġara? Din il-ġlieda qed tintrebaħ minn dawk li huwa favur il-ħajja! Jekk hemm xi ħaġa li tgħaqqad lill-Laburisti u lil ħafna Nazzjonalisti hija l-ismerrija li dawn għadhom lejn ir-Repubblichini.
Ovvjament, mhux qed ngħid li dawn id-deputati ma għandhomx jagħtu konferenzi stampa f’isem il-Partit Nazzjonalista. Dażgur li għandhom. Imma tlieta tar-Repubblichini flimkien itellef kull effett tajjeb li jista’ jkollha konferenza stampa bħal din, kif fil-fatt ġara. Dan għaliex, kif spjegajt, dawn it-tlieta min-nies flimkien bilfors ifakkruk f’dak il-perjodu ikrah li għadda minnu l-Partit Nazzjonalista li suppost qed tingħata l-impressjoni li dak żmien li għadda. Imma mid-dehra, ir-Repubblichini għad għandhom interess li jsostnu l-preżenza tagħhom fil-Partit Nazzjonalista. B’konferenza bħal din uriet l-interess li jibgħatu messaġġ lill-partitarji Nazzjonalisti li l-klikka għadha b’saħħitha fil-Partit Nazzjonalista. Din kienet il-vera raġuni għal din il-konferenza stampa saret aktar milli biex ikun ikkritikat l-istess gvern.
Għalhekk din l-istrateġija mhux ser iġġib voti lill-PN.
Osservatur. Maghanekx ghalfejn tinkweita ghax ta-lanqas tnejn minhom zgur ma ikunux emm wara lelezzjoni.
Those three together have shown us all who actually run the PN today. If PN wants its glory back, none of those who posed as blue heroes should be allowed to speak for it, let alone a bunch of them.