Id-dejr ta’ Ġian Franġisk Abela fil-Girgenti qed jitħalla jaqa’ biċċiet.
Minn John Spiteri Gingell
Giovanni Frangesco Abela, kien nobbli Malti li laħaq il-pożizzjoni tassew għolja ta’ viċi-kanċillier fl-Ordni ta’ San Ġwann. Huwa baqa’ magħruf l-aktar għax-xogħol tiegħu: ‘Della Descrittione di Malta isola nel Mare Siciliano: con le sue antichità, ed altre notizie’. Dan il-ktieb għadu meqjus ta’ importanza mill-akbar mhux biss minħabba li kien fost l-ewwel attentati biex tinġabar l-istorja ta’ dawn il-ġżejjer b’mod sistematiku iżda wkoll għax jiġbor fih informazzjoni imprezzabbli dwar ismijiet toponomastiċi, użanzi folkloristiċi, tagħrif dwar l-ilsien Malti kif ukoll kummentarju fuq fdalijiet arkijoloġiċi.
Abela kien ikkonverta d-dar tiegħu fil-Marsa f’mużew storiku – l-ewwel wieħed li qatt eżista f’pajjiżna u ħafna mill-artifiċji li ġabar hu, huma llum maħżuna fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkijoloġija. Huwa kien ukoll strumentali fit-twaqqif tal-arkivji notarili ta’ pajjiżna.
Li ma tantx huwa magħruf, huwa li Abela kellu post ta’ villeġġjatura tas-sajf fil-Buskett. Dan il-post li jinsab fil-viċinanzi tal-Palazz tal-Inkwiżitur ġewwa l-Girgenti qrib il-Buskett u mbena fil-bidu tas-seklu sbatax, sewwa sew fl-istess żmien li kien qed jiġi maħluq il-Buskett.
Bħal Palazz tal-Inkwiżitur, id-dejr ta’ Gian Franġisk Abela jinsab f’xifer fil-għoli u jgawdi veduti impressjonanti. Fuq il-bieb tad-dejr hemm l-arma tiegħu li għadha tidher sal-lum.

F’atti notarili tas-sena 1683, in-neputi u l-eredi tiegħu Fra Aldobrandino Testaferrata Abela ħalla l-amministrazzjoni ta’ din il-propjetà lill-fundanzzjoni (trust) li kellha mid-dħul tal-post u l-biedja mill-art tal-madwar tħallas għaż-żwiġijiet ta’ nisa fqar mis-Siġġiewi. Huwa tassew t’għajb nazzjonali li dan il-post storiku tħalla letteralment jaqa’ biċċiet u jekk ma tteħidtx azzjoni immedjata, m’hemmx dubju li fi ftit snin jikkollassa għal kollox, u miegħu nitilfu parti oħra mill-istorja u l-identità ta’ pajjiżna.
Nawgura, li l-awtoritajiet jieħdu l-passi meħtieġa biex nissalvagwardjaw dan il-post importanti.