“Qui abortum procurat, effectu secuto, in excommunicationem latae sententiae incurrit.”

Minn Romegas

L-abort huwa l-qtil deliberat tal-innoċenti fil-ġuf u t-tagħlim tal-Knisja Kattolika ma jistax ikun aktar ċar milli hu dwar dan l-att infami. Ħadd ħlief dawk li jridu deliberatament jqarrqu b’ħaddieħor ma jista’ jgħid li hemm xi lok ta’ diversità t’opinjoni fuq il-kwistjoni tal-abort fi ħdan il-Knisja Kattolika.

Tassew, il-Knisja Kattolika mhux talli ma tridx tibdel it-tagħlim tagħha dwar l-abort (kellha l-opportunità li tagħmel dan fl-aħħar reviżjoni tal-Liġi Kanonika, li saret propjament is-sena l-oħra) iżda saħansitra ma tistax tibdlu għax il-kwistjoni tal-abort tikkonċerna l-aktar affarijiet fundamentali fejn għandhom x’jaqsmu l-fidi, il-morali u l-etika nisranija. Li kieku l-Knisja Kattolika tibdel l-opinjoni tagħha tista’ taqbad u żżarma.

Il-Liġi Kanonika 1397 /2 tiddikjara bla tlaqliq jew eżitazzjoni li:

Qui abortum procurat, effectu secuto, in excommunicationem, latae sententiae, incurrat

Qui abortum procurat letteralment tfisser “kull min jaħdem favur” – sabiex tinqatel tarbija umana f’kwalunkwe stadju tagħha – sew jekk għadhiex fi stadju ta’ fetu jew saħansitra żigota – iġib fuqu nnifsu excommunicationem, latae sententiae – jiġifieri skomunikazzjoni awtomatika fuqu nnifsu.

Kulmin jaħdem favur tfisser letteralment kulmin jaħdem favur – jiġifieri mhux biss il-mara li għażlet li tagħmel abort, jew it-‘tabib’ li jagħmel l-intervent, iżda kulmin għandu influwenza fuq il-proċess inkluż per eżempju l-għarus jew ir-raġel li poġġa pressjoni fuq il-mara, kulmin jagħti parir li l-abort hija għażla xierqa, kulmin jiffinanzja tali intervent u fuq kollox kulmin jilleġisla sabiex tali att jista’ jseħħ.

Nerġa’ ngħid, biex ħadd ma jkollu l-iċken dubju li Latae sententiae tfisser li dawn il-persuni kollha jeskominkaw lilhom infushom b’mod awtomatiku. M’hemm bżonn l-ebda pronunzja tal-iskomunika la minn kwalunkwe qassis jew isqof. Din l-iskomunikazzjoni tibqa’ tgħodd sakemm dawn il-persuni jindmu b’mod sinċier, jagħmlu apoloġija (fil-każ ta’ persuna pubblika bħal politikant din trid isseħħ b’mod pubbliku) u jagħmlu penetenza xierqa.

Sa ftit ilu l-maħfra setgħet tingħata biss mill-Papa, iżda l-Liġi Kanonika 1331 ġiet immodifikata sabiex dan il-poter jiġi ddelegat lil qassisin u l-patrijiet. M’għandniex xi ngħidu li l-media li tant trid il-qtil tal-innoċenti malajr ipprovat tpenġi din id-deċiżjoni bħala fatt li l-Knisja kienet bidlet l-opinjoni tagħha dwar l-abort, iżda dan mhux minnu – l-Papa Franġisku għamilha ċara kemm-il darba li l-abort jibqa’ dnub mortali u sempliċiment għax għabba r-responsabbiltà tal-maħfra fuq il-qassisin u l-patrijiet ma jneħħi xejn min-natura gravi ta’ dan id-dnub kardinali.

Għalfejn qed nikteb dan kollu – qed niktbu mhux għal min ma jemminx – jekk ma jemminx ma jemminx u jara hu – qed niktbu għal dawk li jemmnu u li jqisu ruħhom bħala kattoliċi.

Hawnhekk primarjament qed nindirizza żewġ udjenzi – ir-rappreżentanti tal-Knisja u dawk li jqisu ruħhom fidili u li b’xi mod jistgħu jinfluwenzaw din id-deċiżjoni – b’mod partikolari l-emendi li qed jiġu mressqa bħalissa fil-parlament li hija ovvja għal kulħadd ħlief iċ-ċwieċ u l-istinati li hija intenzjonata sabiex jiddaħħal l-abort mit-tieqa. Emendi li ħadd mill-elettorat ma ngħata l-opportunità biex jivvota fuqhom għax ma kienux fl-ebda manifest elettorali.

Għalhekk hawn qed nindirizza ir-rappreżentanti tal-poplu li ser jivvotaw fuq dawn l-emendi u r-rapreżentanti tal-Knisja Kattolika.

Lir-Rappreżentanti tal-poplu: It-tagħlim tal-Knisja huwa ċar daqs il-kristall – kulmin jivvota favur dawn l-emendi jkun qed jiskomunika ruħu b’mod awtomatiku – dan għandkom tafuh bil-quddiem u tiġux teqirdu wara li tistgħu tiġu tittrattati ta’ nies skumnikati u allura miċħuda mis-sagramenti – li kull qassis issa bid-deroga tal-Papa jista’ jiċħadkom.

Lir-rappreżentanti tal-Knisja ngħidilhom: dan kollu suppost tafuh aktar minn ħaddieħor. Għalhekk huwa fid-dover tagħkom, li dan li qed ngħid jien suppost qed tagħmluh ċar intom sabiex kulħadd ikun jaf fejn qiegħed, partikularment dawk mgħobbija bir-responsabbiltà biex jivvotaw favur jew kontra – u peress li suppost tafu dan kollu aktar minni – tenforzawh għax inkella it-tagħlim Kattoliku m’hu tagħlim xejn – bħal kwalunkwe liġi oħra ma jfisser xejn mingħajr l-inforzar. Allura intom għandkom responsabbiltà akbar quddiem il-bniedem u saħansitra quddiem Alla, li kulmin jivvota favur dawn l-emendi ma tistgħux tippermettuh jiġi jippoppa sidru wisq anqas jirċievi s-sagramenti fil-knejjes tagħna. Din mhix theddida. Din m’għandha x’taqsam xejn mal-interdett u kulma ġara fis-sittinijiet minħabba l-opinjonijiet diversi bejn l-arċisqof Gonzi u Dom Mintoff. Din ċara u m’hemm l-ebda mod ieħor kif tinterpretaha li hija skomunikazzjoni awtomatika. Lanqas biss tikkonċerna l-opinjoni tagħkom – kulma hu mistenni minnkom huwa li tobdu l-liġijiet tagħkom stess.

Huma liġijiet skomdi – jafu jkunu liġijiet mhux popolari – iżda s-salvazzjoni tal-erwieħ mhix demokrazija jew ‘popularity contest’. L-appostli kollha saru martri. Hawn hu l-mument tagħkom biex turu xi stoffa għandkom. Jekk m’intomx biss kapaċi tiddefendu l-innoċenti u t-tagħlim tagħkom stess, allura l-poplu bir-raġun kollu jista’ jikkonkludi li m’għandniex bżonnkom iżjed.

Tajjeb li ntemm dan l-artiklu billi nfiehmu eżatt x’inhi l-iskomunikazzjoni – l-iskomunikazzjoni bħala piena mhix intenzjonata biex issawwat dak li jkun – imma primarjament biex iġiegħel dak li jkun jaħseb fuq dak li biħsiebu jagħmel qabel ma jipperikola ruħu u jekk jinsisti li jagħmlu minkejja t-twissija u possibbilment il-piena li jġib fuq nnifsu anki trejqa kif jista’ jekk jindem minn għemilu u jirrikonċilja ruħu kemm m’Alla kif ukoll mal-bniedem.

L-abort huwa qtil, kulmin jappoġġjah huwa awtomatikament skumnikat, m’hemmx fejn wieħed jitfixkel. Kollox ċar daqs il-kristall.

Huwa dover tal-Knisja li dak li qed nitkellem fuqu tħabbru bla tlaqlieq, bla biża’ u bla kompromess. Jekk ma tagħmilx dan tkun qed tonqos traġikament mill-missjoni tagħha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *