Is-sitwazzjoni tal-Air Hostesses fl-Air Malta
Kulħadd jaf li l-Air Malta għaddejja minn strutturar u fost l-istrutturar hemm it-tnaqqis ta’ nies biex jiġu impjegati nies ġodda b’inqas b’paga. Qabel il-ħaddiema tal-Air Malta kellhom pagi tajbin għaliex il-kumpanija kienet magħmula minn fergħat differenti, fejn sezzjoni li tagħmel inqas flus kienet tagħti support lil sezzjoni li tagħmel il-flus. Ġara li fl-istruttura li ilha għaddejja, lill-Air Malta neħħewlha l-laħma u ħallewlha l-għadma.
Issa kien imiss l-Air Hostesses li qabel kienu mħallsa tajjeb u kienu meqjusa li għandhom xogħol prestiġjuż. Issa sar wieħed mill-inqas imħallsa. Minbarra tnaqqis, lill-full timers tal-Air Malta ġabuhom jaħdmu sebgħat iljieli wara xulxin. Qabel kienu jaħdmu erba’ ljieli wara xulxin.
Fuq kollox, matul is-sajf, li jkun “peak season” inħass it-tnaqqis tan-nies. Infatti, wara li l-Air Malta spiċċat tnaqqas in-nies, bdiet tibgħat mill-ġdid għall-ħaddiema tagħha li qabel kienu jaħdmu magħha, wħud li ilhom snin li telqu, biex jaħdmu magħha part-time għal matul is-sajf.
Mela l-Air Malta naqqset jew keċċiet in-nies f’Jannar li għadda u mbagħad fis-sajf, peak season, iddaħħlu ħafna part-timers li kważi spiċċaw jieħdu l-load ta’ vjaġġi daqs il-full timers. Full timer ikollu madwar ħamsa u għoxrin vjaġġ. Dawn spiċċaw b’dsatax u ġieli telgħu anki għal tnejn u għoxrin vjaġġ.
Fil-kuntratt tagħhom għamlulhom li jispiċċa f’Ottubru għax issa ħa jkun hemm collective agreement ġdid.
Issa, jekk l-Air Malta ħa titneħħa, jista’ jkun li ħa tingħaqad mal-Malta Medair, kumpanija li l-gvern kien ħoloq fil-ġenb ftit tas-snin ilu bi ħsieb,
Pero’ min jaħdem mal-Medair, għandhom pagi baxxi. Per eżempju air hostess taqla’ €800 basic pay. U mbaghad €20 ta’ kull flight. Dan hu ftit meta tqis li flight għall-air hostess tkun tfisser ħafna aktar siegħat mill-vjaġġ innifsu għax ikunu hemm siegħa qabel il-flight u tat-trasport jerġa’ jgħaddi għalihom siegħa qabel.
Nisperaw li l-Air Malta jew dak li ser jieħu flokha mhux mixjin lejn sistema oħra ta’ prekarjat glorifikat. Naħseb huwa importanti li l-ministru jiċċara dan il-punt. Jista’ l-gvern jispjega x’qed isir sew f’din il-kumpanija?
