The Times gidbet meta qalet li l-avukati ta’ Yorgen Fenech ġew liberati minħabba żball tekniku mill-Avukat Ġenerali

Ftit tal-jiem ilu kellna l-aħbar sensazzjonali minn The Times of Malta li ż-żewġ avukati ta’ Yorgen Fenech ġew illiberati minħabba żball tekniku li għamel l-uffiċju tal-avukat ġenerali tar-Repubblika.  Avukat ħabib tiegħi ġibidli l-attenzjoni li fis-sentenza tagħha, il-maġistrata qatt ma tkellmet fuq żball tekniku mill-uffiċju tal-avukat ġenerali.

Infakkar li din is-sentenza ngħatat fis-27 ta’ Ġunju, 2022.  Dan ir-rappurtaġġ wassal biex il-paladini tal-media u dawk ta’ Repubblika ħarġu bi ħġarhom jgħajtu sallbu sallbu lil Victoria Buttigieg.  Infakkar li f’dan il-każ, skont l-istess The Times, l-avukati Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Charles Mercieca ġew meħlusa minn tixħim għaliex Victoria Buttigieg għamlet żball tekniku.  Imma meta taqra sew l-att tal-każ, issib li qatt ma kien hemm tixħim għaliex ħareġ ċar li din kienet laqgħa ta’ xogħol bejn Ivan Martin u dawn l-avukati.  Dejjem skont ix-xhieda mogħtija, Ivan Martin qatt ma informa lil ta’ fuqu dwar din il-laqgħa ta’ xogħol għaliex kien qed jagħmilha bħala parti mix-xogħol privat tiegħu!  Ara dawn id-dettalji The Times ma qalithomx lill-qarrejja tagħha!

Mela mhux veru li sar żball tekniku li wassal għall-ħelsien ta’ Caruana Curran u Mercieca kif kien ġie rrappurtat biex imbagħad dan ir-rappurtaġġ ġie mibdul fl-update li sar fis-2 pm tal-istess jum li ħarġet l-aħbar.  B’hekk jekk kien hemm persuna li ħadet żball tekniku, din kienet The Times għaliex kellha tikkoreġi dan ir-rapportaġġ ħażin fuq is-sentenza tal-qort u tamendah.  Fuq kollox, anki fix-xhieda li ta fil-qorti wieħed mid-diregenti ta’ The Times, kellu jikkoreġi dak li qal dwar il-laqgħa li kienet saret bejn Ivan Martin u l-avukati ta’ Yorgen Fenech fit-2 ta’ Novembru 2020 u r-rappurtaġġ ta’ din l-istorja l-għada 3 ta’ Novembru 2020.  Għax anki hawn ma kienx korrett u fattwali fix-xhieda tiegħu.

Fuq kollox, wieħed irid ifakkar li meta beda jinstema l-każ kontra dawn iż-żewġ avukati, Ivan Martin tela’ l-qorti akkumpanjat minn avukat tal-kriminal. Waqt li għandu kull dritt ikun akkumpanjat minn avukat, huwa stramb ħafna, li ġurnalista li qed jgħid li hu vittma u eroj fl-istess ħin, jagħżel li jkun akkumpanjat minn avukat tal-kriminali.  Normalment dan jagħmlu xi ħadd li jkun qed jibża’ li jinkrimina ruħu. 

B’hekk, inkun qed ngħid sew li fix-xhieda li ta l-istess Ivan Martin fil-qorti, qatt ma qal jew uża l-kelma tixħim?  Jekk il-ġurnalist stess mhux qed jgħid taħt ġurament li qatt ma ġie mxaħħam, kif il-maġistrata setgħet issib ħatja lil dawn iż-żewġ avukati fuq tixħim?  Kien biss wara li ngħatat is-sentenza li lliberat liż-żewġ avukati, li f’daqqa’ waħda, is-soltu grupp ta’ nies ta’ Repubblika et al bdew jitkellmu u jgħajtu b’tixħim!!

Dak li ħareġ mill-qorti, u dan mix-xhieda li ta Ivan Martin innifsu, huwa li dan kien meeting miftiehem minn qabel bejnu u ż-żewġ avukati.  Jiġifieri l-ġurnalista aċċetta minn rajh li jiltaqa’ mal-avukati fl-uffiċju tagħhom. Il-laqgħa ma saritx biex jagħtuh flus imma biex jaqsmu bejnithom informazzjoni marbuta mas-servizz sigriet u kienet tikkonċerna telefonata li saret bejn il-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Lawrence Cutajar u l-famuż Edwin Brincat “il-Ġojja”.  

Fuq kollox, Ivan Martin qal li l-avukati Caruana Curran u Mercieca qatt ma talbuh flus jew huma ppretendew xi flus minn għandu u l-anqas hu ma ppretenda flus mingħandhom ta’ l-informazzjoni li kienu ser jibdlu.  Fuq kollox, Ivan Martin qal li meta telaq mill-uffiċju tal-avukati, hu kien beda jissuspetta li seta’ ġie rrekordjat u dan nissel biża’ kbira ġewwa fih!

Dak li qal Ivan Martin ġie kkollaborat mix-xhieda li taw Caruana Curran u Mercieca.  Fuq kollox, dawn l-avukati żiedu li Ivan Martin kien il-ħin kollu jsemmilhom il-kuntatti li kellu kif ukoll il-periklu li jkollu jgħaddi minnu minħabba dan ix-xogħol investigattiv tiegħu.  F’dan il-kuntest, Caruana Curran ma kellux diffikulta li jikkonferma li l-flus offrihomlu huwa bħala ħlas tal-informazzjoni li Martin kien lest li jgħaddilhom u x-xogħol li kien lest jagħmilhom!

Huwa f’dan il-kuntest, li dawn il-flus ġew offruti għaliex Ivan Martin kien qed jagħmel dan ix-xogħol bħala parti mix-xogħol privat li hu jagħmel.  U għaliex kien parti mix-xogħol privat tiegħu, Martin stess ma kienx informa lis-superjuri tiegħu dwar din il-laqgħa. Il-kuntratt li kellu (u naħseb għandu ma’ The Times) ma jipprekludihx milli jagħmel xogħol privat. B’hekk f’dan il-kuntest, il-flus ingħataw bħala ħlas ta’ servizz privat li dan il-ġurnalist kien qed jagħmel u dan ix-xogħol ma kellux x’jaqsam max-xogħol tiegħu ma’ The Times. Mela fejnu r-reat jew l-iżball tekniku?   

Il-verita’ hija li waqt li ġurnalisti ta’ The Times of Malta għajruni li jien imħallas minn Yorgen Fenech, wieħed mill-ġurnalisti tagħhom iltaqa’ b’mod privat u mingħajr ma jinforma s-superjuri tiegħu mal-avukati ta’ Yorgen Fenech, f’dak li jidher ċar li kellha tkun biċċa xogħol privata.

B’hekk quddiem din l-evidenza kollha, ma nistax nifhem kif qatt l-maġistrata setgħet issib liż-żewġ avukati ħatja ta’ tixħim meta jidher ċar li din kienet laqgħa ta’ xogħol. B’hekk dan il-ġurnalista ma kienx qiegħed jiltaqa’ f’isem l-entrapriża li jaħdem magħha imma kien qiegħed jattendi din il-laqgħa bħala parti mix-xogħol privat li dan l-ġurnalista stqarr li jagħmel! Hemm differenza kbira bejn tixħim u ħlas ta’ servizz privat li wieħed jagħmel!  Ara fuq dan il-punt, tar-Repubblika u sħabhom ma qalu xejn. L-anqas The Times ma tkellmet xejn dwaru.

Mela din l-istorja kienet maħsuba u wżata minn The Times biex tkun attakkata Victoria Buttigieg.  Ibqgħu żguri li dawn ser jagħmlu minn kollox, kif għamlu ma’ Alex Dalli, u megħjuna mill-media tal-Knisja, jibqgħu jattakkawha sakemm iwaqqgħuha.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *