Kumment inopportun mix-Shadow Minister tas-Saħħa Dr Stephen Spiteri

Kummentarju tat-Tabib Hermann Farrugia

Wara li nhar l-Erbgħa, x-Shadow Minister tas-Saħħa, Stephen Spiteri vvota mal-gvern tal-Lejber fuq l-emendi tal-liġi tal-IVF, għamel dan il-kumment li hu nopportun u anki frivolu. Fil-kumment tiegħu Stephen Spiteri dikjara li hu vvota mal-gvern tal-Lejber – u dan kliemu u mhux kliemi – “SABIEX IKOLLNA MALTA 🇲🇹 AHJAR”!

Dan l-ewwel Ħadd partikulari, wara l-vot parlamentari tal-Erbgħa, 6 ta’ Lulju ‘22, li ta’ 66 (PL+PN) deputat favur kontra 3 mill-PN kontra u b’ 10 membri, sitta mill-PL u tlieta mill-3 PN assenti jew skużati. Tabilħaqq ma jistax ikun jum il-Mulej feliċi għalina l-Maltin u Għawdxin.

Il-vot ta lok darba ghal dejjem sabiex titbexxaq ix-xatba fil-liġi Maltija għall-manipulazzjoni medika permezz tas-selezzjoni intenzjonata tal-embrijun uman. Dil-Ligi ‘tinżerta’ konvenjentissima għall-kaxxa ta’ Malta, b’kontroll eventwali aktar effettiv tan-nefqa annwali tas-servizzi soċjali u tal-ispiża tal-programm nazzjonali tas-saħħa.

Din il-liġi sejra tibda tippermetti lill-Awtorita’ tas-suppost ‘PROTEZZJONI tal-EMBRIJUN’ sabiex mal-medda ta’ ftit snin , tiġi awtorizzata’ rata akbar ta’ denaturazzjoni fiżika li litteralment tiffriża ħesrem l-iżvilupp naturali ta’ dawk l-embrijuni umani li jinqabdu b’potenzjal li jgorru riskju mhux kwantifikabbli ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi trasmissibbli fil-familja.

Mela minn lista skedata attwali ta’ nofs tuzzana anomaliji metaboliċi rari, il-firxa ta’ kundizzjonijiet awtorizzati għad inevitabbilment titwessa għall-embrijuni ‘innoċenti’ li l-uniku difett li jkollhom ikun sempliċi potenzjal statistiku (u mhux reali) għola minn normal għal inċidenza ta’ mard kroniku anke meta dan ikun aktar faċilment kurabbli bil-kura medika xjentifika li ngawdu llum.

Ħadd mis-66 deputat Laburist/Nazzjonalist fil-kuxjenza ma dehrilhomx li għandhom jagħtu L-‘GO-AHEAD’ tagħhom għal din ix-xorta ta’ diskriminazzjoni embrijunali umana. Insab ċert li bosta minnhom kienu anki f’kunflitt sinċier etiku-morali mal-kuxjenza tagħhom. Imma politikament u opportunistikament ma nħassux li kellhom jiġu mogħtija l-‘FREE-VOTE’.

Imma ħadd jista’ jiċħad li ‘l quddiem, permezz ta’ pressjoni qawwija minn ġenituri potenzjali ikkonċernati sejra gradatament titwal sew l-iskeda ta’ kundizzjonijiet ġenetiċi anomali annessa ma’ din il-liġi.

U m’hemmx dubju li, tgħid x’tgħid l-emenda approvata kif imressqa tardivament mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, huwa ovvju li ebda Kumitat Parlamentari tas-Saħħa m’huwa ser ikun f’sitwazzjoni li ma jilqax dawn it-tip ta’ talbiet li konvenjentement għal kulħadd ikunu dejjem meqjusa ‘ġenwini u f’waqthom’. U kien tabilħaqq inopportun u anke pjuttost frivolu l-kumment aħħari tax-Shadow Minister tas-Saħħa, il-kollega Dr Stephen Spiteri f’dikjarazzjoni li għamel wara l-vot tiegħu, li ‘DAN KOLLU SER ISEĦĦ SABIEX IKOLLNA MALTA 🇲🇹 AHJAR‘!

One thought on “Kumment inopportun mix-Shadow Minister tas-Saħħa Dr Stephen Spiteri

  1. Fil-manifest tal-PN kien hemm proposta imsejħa “pjan għal uliedek” fejn il-ġenituri ta tfal b’diżabilità, biex meta jiġu neqsin il-ġenituri, iħallu lit-tfal f’arranġament sigur. Ma taħsbux li l-vot tal-pn dwar l-emendi proposti tal-ivf mar kontra l-ispirtu ta din il-wegħda elettorali? Aħsbu ftit….ħa tħalli embrijun diżabbli ffriżat, għal għexieren ta’ snin sakemm isibu kura… U min ikun irid jaddottah wara? Xi pjan għall-ulied hu dak? Qed tgħidlu “ħa nċaħdek milli ssir taf lil familtek u se titwieled fil-futur, good luck ibni/ binti”.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *