Il-Lejber dieħel fażi ta’ apatija waqt li l-liberali fil-Partit Nazzjonalista qed jirrendu lill-Oppożizzjoni ineffettiva
Minn osservatur politiku
Wara l-vot ta’ nhar it-Tnejn fuq il-mużika fil-Belt u l-vot tal-Erbgħa, ħareġ ċar l-inkwiet intern li hemm fil-Partit Laburista. Mhux ser nitkellem fuq l-inkwiet intern tal-Partit Nazzjonalista għaliex dak qed nikteb dwaru f’artikli oħra.
Jekk kien hemm xi ħaġa li l-voti meħuda fil-Parlament din il-ġimgħa wrew kien li min-naħa tal-gvern kien hemm min ma qabilx, imma l-gvern impona l-id tal-ħadid tiegħu fuqu. B’hekk dan il-gvern dieħel fażi perikoluża, speċjalment fil-kuntest li ma għandniex Oppożizzjoni b’saħħitha. U ħa nsemmi każ żgħir bħala prova ta’ dan. Jien ninsab infurmat li d-deputat Laburista, Deo Debattista, li hu bniedem sewwa u tal-affari tiegħu, waqqaf il-houses visits li kien qed jagħmel fil-Belt wara li kellu jivvota favur il-fatt li l-ħinijiet tal-mużika fil-Belt jistgħu jkomplu sas-siegħa ta’ filgħodu. Deo Debattista joħroġ fuq l-ewwel distrett u allavolja huwa deputat validu, ma ngħata l-ebda ministeru u issa jrid ibati l-konsegwenzi ta’ dawn id-deċiżjonijiet min-naħa tal-gvern li qed iġibu rabja fost ir-residenti. Finalment dawn huma deċiżjonijiet li ma ħadhomx hu, imma qed ikollu jidher u jaffaċċa r-rabja tar-residenti għalihom huwa stess.
Ir-riżultat li dan ser iwassal għall-apatija minn nies li jissapportjaw lil dan il-gvern stess. Jidher ċar li l-gvern qed jibża’ mill-apatija fost il-membri tiegħu stess. Din l-istess maġġoranza kbira li għandu dan il-gvern qed twaqqa’ lill-istess deputati tal-partit fil-Gvern f’apatija. Fuq kollox, ċerti ministri u deputati qed jiġu mirkuba minn arroganza għaliex qed jaħsbu li jagħmlu x’jagħmlu, ma huma ser jitilfu qatt il-poter għax il-maġġoranza tant hija kbira li diffiċli tintilef.
Il-mod kif il-gvern ħa din id-deċiżjoni fuq il-ħinijiet tal-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu u kif impona fuq id-deputati l-vot fl-emendi tal-liġi tal-IVF hija prova ta’ din l-arroganza.
Tajjeb li llum għaddejna minn dawk iż-żminijiet koroh ta’ vjolenza politika imma rridu noqogħdu attenti li ma mmorrux f’punt ieħor fejn l-apatija terfa’ ħafna iżjed rasha. Din l-apatija intweriet diġa’ fil-ġurnata tal-elezzjoni meta kellna madwar 60,000 ruħ li jew ma ivvutawx jew ħassru l-vot. Dan huwa messaġġ qawwi li l-partiti politiċi kollha jridu jifhmu u janaliżżaw. U jekk ma għamel xejn Adrian Delia u ż-żewġ deputati sħabu, dawn ġiegħlu lill-gvern u lil Bernard Grech jirrealiżżaw li ma jistgħux jibqgħu sejrin hekk. Imma dwar dan nikteb fi blogg separat.
Issa jekk l-apatija tkompli żżid fir-renju tagħha qalb dawk li marru jagħmlu dmirhom fl-elezzjoni ġenerali, allura l-inkwiet ser jikber fi ħdan dawk li jinteresshom x’jiġri mill-vot ġenerali. Din hija l-arma li d-deputati tal-gvern (u anki tal-Oppożizzjoni) qed isibu ma’ wiċċhom. Jekk il-poplu jaqa’ f’tant apatija u jnaqqas ferm l-attenzjoni fuq in-nies fil-Gvern jista’ jfisser li d-deputati tal-Gvern jaħsbu li ma għandhomx min qed jagħti każ ta’ għemilhom u allura min-naħa tagħhom tintrefa’ iżjed l-arroganza. Dak ikun jonqos biex il-pajjiż jaqa’ f’sitwazzjoni ta’ gwaj u nkwiet.
Bħalissa l-partit fil-Gvern għaddej iwettaq ħafna xogħol li lanqas biss qed isibu oppożizzjoni għal dak li jista’ jkun qed jitwettaq ħażin. Ħafna mill-ministri għaddejjin romblu fuq in-nies għax jafu li l-Oppożizzjoni taħt Bernard Grech rrendiet ruħha kważi ineżistenti. Kellu jkun Adrian Delia u sħabu li qajmuha ftit bl-istand li ħadu.
Huwa għalhekk importanti li l-Oppożizzjoni tieħu theżżiza kbira għaliex jekk tibqa’ titnawwar u tiddiżintegra minħabba erba’ liberali li qed jimponu d-dittatura tagħhom fuq dan il-partit, dan ikun ifisser inkwiet kbir fil-pajjiż.
Pajjiż demokratiku bħal tagħna ma jistax jiffunzjona tajjeb mingħajr Oppożizzjoni effiċjenti u attenta. Jekk il-Partit Nazzjonalista u b’mod speċjali Bernard Grech ma humiex ser jirrejaliżżaw li l-Partit Nazzjonalista qabad niżla perikuluża, allura dan l-istess Partit għandu verament għaliex jinkwieta ruħu.
Tassew li li hekk jidher li Il Gvern diehel f’apatija minhabba li Il pressjoni fuqu mill Opposizzjoni MA TEZISTIX….. u wkoll ghax ghandna tendenza li niehdu Il glieda kbira ghall kontra Il Covid-19 u l’inflazzjoni FORE GRANTED
Ghaziz Simon, huwa minnu dak li qieghed tghid. Sfortunatament il-Partit, ghalkemm ghandu jiggedded warrab hafna nies validi li hadmu taht Joseph Muscat. Ma niddejjaqx nghid li bhal hafna, ghalkemm Laburist, m’ghadniex nara il-Partit fil Gvern bl-istess lenti u kejl. Jien persuna li tajt hafna u twarrabt Minn Robert Abela ghal xejn b xejn. Kulhadd il-weggha tieghu ihoss. L-oppozizzjoni tinqeda b’media bhal ta The Shift News li mohhom biss biex jattakaw personalment nies anka privati u mhux politici ghalhekk hafna ma jistghux jemmnu fil PN.