Kieku l-PN ivvota kontra l-emendi fl-IVF, kienet toħroġ il-qasma fil-PL

Fl-aħħar ġurnata li ltaqa’ l-Parlament qabel is-sajf sirna nafu li kien hemm għaxar deputati li ma attendewx. Minn tagħrif li ħareġ minn dan is-sit, sirna nafu li sitta kienu min-naħa tal-Partit fil-Gvern, jiġifieri il-Partit Laburista u 4 min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Nafu wkoll li f’din l-aħħar ġurnata qabel il-vaganzi tas-sajf kien hemm diversi voti x’jittieħdu, fosthom wieħed li kien jirrigwardja l-emendi tal-IVF.

Mis-sitta neqsin min-naħa tal-Partit Laburista kien hemm erba’ skużati għaliex forsi kienu msiefrin. Imma tnejn ma hemmx aħbarijiet fuqhom. Tgħid kienu żewġ deputati min-naħa tal-Gvern li ma riedux jieħdu l-vot sensittiv tal-IVF? Tgħid kienet skuża tajba biex ma jivvutawx kif ordnalhom il-Partit Laburista? Tgħid kellhom xi problema ta’ kuxjenza dwar l-emendi mressqa? Forsi ‘l quddiem inkunu nafu.

Imma l-aktar li jiskantak kif ħadd ma jitkellem fuq din l-istorja. Lanqas il-medja indipendenti ma tat importanza lil dan il-fatt. Min-naħa tal-Partit Nazzjonalista kien hemm erbgħa neqsin. Tnejn kienu indisposti, allura ovvjament ma setgħux ikunu l-parlament. Wieħed kien imsiefer u allura lanqas seta’ jkun hemm. Ir-raba’ wieħed ma kien hemm ebda raġuni għaliex ma kienx preżenti. Forsi kellu d-dubji tiegħu u prefera ikun assenti milli jmur kontra d-direzzjoni mogħtija mill-Partit tiegħu.

Imma l-ikbar riflessjoni li trid issir hija kif il-Partit Nazzjonalista lagħaq lill-Partit Laburista u saħansitra ried li kulħadd jivvota mal-Gvern? Ejja għal mument ninsew kwistjonijiet ta’ prinċipji. Għandna gvern li għandu diffikulta’ interna. Id-dmir tal-Oppożizzjoni huwa li toħroġ din id-diffikulta’ u mhux tkun ta’ għajnuna għall-Gvern. Dan hu rowl politiku tal-Oppożizzjoni.

Mela fis-sitwazzjoni li kien fiha l-gvern, Bernard Grech kellu joħroġ bi strateġija biex iqiegħed lil dan il-gvern f’diffikulta. Infakkar li meta kien inqala’ l-inkwiet bejn Dom Mintoff u Alfred Sant fl-1998, l-Oppożizzjoni ma qalietx li l-proġett tal-pantoons fil-Birgu kien tajjeb. Meta ndunaw li Mintoff beda jross lil Alfred Sant, l-Oppożizzjoni ħadet pożizzjoni kontra dan il-proġett anki jekk qabel ma bdiet din il-kontroversja fi ħdan il-Lejber kienet favur tiegħu u kien hemm deputati Nazzjonalisti li kienu ser imorru tajjeb bih. Eddie Fenech Adami kien mexxa strateġija brillanti. Kien ġab kull skuża. Qabel ma’ Mintoff li n-nies tal-Birgu ma kienux ser jibqgħu jkunu jistgħu jgħumu f’dik il-parti, anki jekk qatt ħadd ma kien imorru jgħum hemm . Niftakar kienu semmgħu l-każ ta’ vann tar-ruġġata li qalu li kien ser jitlef ħobżu u ġabuha tidher li dan kien fatt biżżejjed biex titkisser l-ekonomija kollha ta’ Malta! U b’hekk biex ikun ssalvaggwardjat l-impieg ta’ dan il-bejjiegħ tar-ruġġata, l-Oppożizzjoni vvutat kontra dan il-proġett. Imma dak hu xogħol l-Oppożizzjoni.

B’hekk fuq vot daqshekk sensittiv li kien qed ikisser il-Lejber, Bernard Grech u sħabu l-liberali vvutaw mal-Lejber għax ħasbu li jistgħu jmorru fil-Gvern. Ġralhom bil-maqlub għaliex aktar tilfu l-appoġġ tal-elettorat Malti. Hawn il-maġġoranza tal-Maltin u Għawdxin li ma jaqblux ma’ dawn l-emendi għaliex minn hu f’sensieh jaf li dawn ma għandhomx x’jaqsmu mad-dritt li l-koppji jingħataw ċansijiet li jkollhom tfal. Ir-raġunijiet ta’ dawn l-emendi huma oħrajn.

Mela flok li l-Partit Nazzjonalista rass kif kien għamel fl-1998 lill-Partit fil-Gvern ħalli joħorġu l-interessi finanzjarji moħbija, mar u tah l-appoġġ u l-għajnuna kollha. U dan meta tiftakar li l-Partit Nazzjonalista għamel diversi u-turns fuq din id-diskussjoni, għaliex kien favur u anke kontra waqt id-diskussjonijiet tiegħu.

Mela l-Partit Nazzjonalista kellu ċ-ċans jagħmel ħoss politiku imma spiċċa paxxa lill-Partit Laburista. Araw x’ġara wara dan il-vot? Il-medja indipendenti u s-social media spiċċaw jitkellmu biss fuq il-Partit Nazzjonalista u d-diviżżjoni li hemm fil-partit u ħadd ma tkellem fuq id-diviżżjoni li hemm fil-Lejber. U dan biex Bernard Grech joħroġ b’saħħa kbira kontra Adrian Delia u biex mingħalih ikissru. Ġara bil-maqlub. Adrian Delia ħareġ aktar b’saħħtu u issa dawk li taw lil Bernard Grech il-parir li juża dan il-vot biex ikisser lil Adrian Delia qed jgħidulu li l-aħjar triq il-quddiem huwa li jinqasam il-PN.

Dr Grech kien mingħalih ser jagħmel tapit lil Dr Delia u jirredikolah. Imma ġralu bħal tal-istorja. Spiċċa biex Adrian Delia żied ħafna simpatija waqt li Dr Grech u sħabu naqqsu mill-popolarita’.

One thought on “Kieku l-PN ivvota kontra l-emendi fl-IVF, kienet toħroġ il-qasma fil-PL

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *