Herrera Kummissarju tal-Istandards u l-President tar-Repubblika li jmiss mill-Partit Nazzjonalista?
Ilbieraħ t’lura ppubblikajt post fejn tkellimt dwar trattattivi jew manuvri li għaddejjin minn wara l-kwinti f’dak li għandu x’jaqsam l-għażla tal-ispeaker fejn ġibt il-vera raġuni għala l-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jivvota kontra l-għażla ta’ Anġlu Farrugia għal din il-kariga. Fi kliem ieħor, il-PN ser ikun qed jivvota kontra mhux għax ma ġiex ikkonsultat dwar l-għażla ta’ Anġlu Farrugia jew għax Farrugia ma mexiex tajjeb, imma biex dan il-vot jintuża ’l quddiem bħala leverage meta sentejn oħra jitbattal il-post ta’ President tar-Repubblika. Hemm pressjoni interna fil-PN, jew wieħed jgħidilha xewqa min-naħa ta’ Louis Galea, biex jieħu din il-pożizzjoni. Infakkar li lbieraħ Louis Galea ħareġ stqarrija kontra dak li ktibt dwar il-pożizzjoni tiegħu fuq kif għandu jivvota l-Partit Nazzjonalista, imma fiċ-ċaħda tiegħu, Louis Galea ma ċaħadx dak li ktibt dwar ix-xewqa tiegħu li jsir President tar-Repubblika ta’ Malta.
Jidher li Robert Abela għandu interess li jċedi u din id-darba jagħżel President tar-Repubblika min-naħa tal-Partit Nazzjonalista. Imma bħal ma jiġri f’dawn l-affarijiet, dawn isiru bi trattativi minn wara l-kwinti jew kif jgħidu bl-Ingliż, horse trading. Robert Abela jrid lil Jose’ Herrera Kummissarju tal-Istandards.
Bħalma kulħadd jaf, il-gvern jew aħjar Robert Abela ppropona lil George Hyzler bħala awditur fil-Court of Auditors tal-Ewropa. Din il-proposta saret kontra kull parir ta’ sħabu fil-kabinet. Kull ma kien hemm jaqblu ma’ Robert Abela dwar din il-proposta kienu Clayton Bartolo u Clint Camilleri. Prattikament, il-heavy weights fil-Partit Laburista, ibda minn Ian Borg u spiċċa b’Michael Falzon, kienu kollha kontra tagħha.
Ir-raġuni hija ċara. George Hyzler, fil-pożizzjoni li kellu bħala Kummissarju tal-Istandards suppost li kien qed jinvestiga lil Clayton Bartolo u lil Clint Camilleri fuq dak li kien ġara, meta Clint Camilleri kien impjega lill-ħabiba ta’ Bartolo fil-ministeru tiegħu. Din l-investigazzjoni qatt ma ġiet fi tmiemha jew konkluża minn George Hyzler. Kif ngħidu, baqgħet fuq l-ixkaffa. Huwa verament stramb, kif George Hyzler, meta kien għadu kummissarju, qatt ma spiċċa din l-investigazzjoni. Sadanittant, hu ġie propost bħala awditur fil-qorti tal-awdituri ġewwa l-Unjoni Ewropeja, liema pożizzjoni kellha s-support tal-Partit Nazzjonalista u b’hekk George Hyzler ma kellu l-ebda problema biex jintgħażel. Hawn wieħed jistaqsi jekk kienx hemm xi relazzjoni bejn l-għażla tiegħu mill-prim ministru għal din il-pożizzjoni u l-fatt li din l-investigazzjoni qatt ma ġiet fi tmiemha. Wieħed irid jiftakar li Hyzler spiċċa investigazzjonijiet fuq persuni oħra, li llum jidher ċar li Abela ried jieħles minnhom, imma qatt ma ġab fi tmiemhom investigazzjoni fuq persuni oħra li huma mitqiesha bħala tal-Prim Ministru Robert Abela ġewwa l-Partit Laburista.
Issa li Hyzler ħa dan il-post fl-Ewropa, il-Gvern Laburista, jew aħjar il-Prim Ministru, jrid japponta kummissarju ġdid għall-Etika u l-Imġieba korretta. Robert Abela jixtieq jagħti din il-kariġa lil Jose’ Herrera. Imma għal din il-kariga jrid l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għaliex din hija kariga li titlob tliet kwarti tal-voti tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Mela hawn fejn jibdew ittrattativi minn wara l-kwinti. Jidher li Abela lest li jaċċetta li sentejn oħra, meta jispiċċa t-terminu ta’ George Vella bħala president, il-president il-ġdid jintgħażel min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, basta il-Partit Nazzjonalista jappoġġa t-talba tiegħu li Herrera jintgħażel Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi. Jekk ikun hemm l-appoġġ tal-PN għal din l-għażla, l-għażla ta’ Herrera issir realta’ (għaliex tliet tliet kwarti tal-voti tal-parlament) u fuq kollox ma tikkrea l-ebda kontroversja politika.
Fuq kollox, wasal iż-żmien tat-tpattija. Wieħed irid jiftakar li meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-gvern, dan il-partit kien għażel lill-missier Robert Abela bħala President tar-Repubblika. Imma mhux kollox plain sailing, kif jgħidu bl-Ingliż, għall-Partit Nazzjonalista. Kif kelli ċans nikteb ilbieraħ t’lura, il-PN hu maqsum (fost il-ħafna fazzjonijiet) bejn dawk ta’ Lawrence Gonzi u ta’ Louis Galea. Dan is-sit jinsab infurmat li t-tnejn qed jissemmgħu għal din il-kariga. Louis Galea jixtieqha għax meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, u Lawrence Gonzi kien prim ministru, kien wegħdilu imma mbagħad Lawrence Gonzi kien ipprefera li jagħtiha lil George Abela. Min-naħa l-oħra, issa hu l-mument biex it-tifel ta’ George Abela jpattihielu ta’ dak li kien għamel ma’ missieru.
Imma finalment, jekk il-president jingħażel min-naħa Nazzjonalista, bħala tpattija talli jaċċetta lil Jose’ Herrera għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Istandard Pubbliċi, il-Partit Nazzjonalista ser ikollu say fuq il-persuna minn ħdanu li ssir President tar-Repubblika. U hawn tinsab id- dilemma interna tal-PN li Robert Abela ma jistax jsolvi. Din trid tissolva biss mill-Partit Nazzjonalista nnifsu. Dan jispjega għala l-heavy weights fil-Partit Nazzjonalista jridu jibqgħu jżommu lil Bernard Grech fil-pożizzjoni tiegħu ta’ kap, imma kulħadd jipprova jiġbdu lejn naħa jew oħra.
Wasal iz zmien li l-ghazliet mil Kabinet issiru u b’vot sigriet l-ebda Prim ma ghandu jkollu il permess li jinponi.