Dak li missha qalet Caroline Muscat li llum kollox maħdum bizzilla mal-mainstream media biex id-dealings ta’ Bernard Grech jibqgħu moħbija
Ilbieraħ, Caroline Muscat tellgħet post biex mingħaliha tikkritika dawk l-akkademiċi bħali li qed jagħmlu wżu tal-media soċjali biex iwasslu nformazzjoni lill-pubbliku. Waqt li wieħed jirrispetta l-opinjoni tagħha, dak li missha qalet Caroline Muscat li llum il-media u l-gazzetti on-line kollha kukkanja waħda biex Bernard Grech jibqa’ hemm.
Waqt li naqbel magħha, li l-media għandha tkun hemm biex tissorvelja l-gvern – u mhux l-ewwel darba li kkummentajt dwar stejjer li jippubblika Shift News fuq dan s-sit u kontra media, oħrajn, dejjem tajt il-krettu lil Shift News meta ħadt l-istorja minn għandhom – il-media indipendenti trid tissorvelja wkoll lill-Oppożizzjoni. Dan hu dak li qed nagħmel jien f’dan is-sit. L-Oppożizzjoni trid ukoll tiġi ssorveljata u mhux kif qed jiġri issa, kulħadd kuntent u ferħan b’Bernard Grech għaliex hemm persuni f’ċertu oqsma marbuta mal-iżvilupp qrib ta’ Ray Bezzina li huma kuntentissimi b’Bernard Grech bħala kap tal-Partit Nazzjonalista. Ara dawn il-persuni u żviluppaturi ħbieb ta’ Ray Bezzina qatt ma jaqgħu taħt il-lenti tal-mainstream media. Min jaf għaliex? Kemm infakkar lil Caroline Muscat li Ray Bezzina jorganiżża lil Bernard Grech ikliet privati jew working lunches ma’ dawn l-iżviluppaturi u Bernard Grech iħossu komdu jmaxtar magħhom.
Ara fuq dan il-punt, il-media tal-onesti u l-puri ma tinvestigax. Mela l-media mhux fuq kollox għandha tinvestiga? Fuq il-Gvern biss? U jekk l-Oppożizzjoni tispiċċa f’kukkanja mal-Gvern x’ser jiġri? Fejn hija l-alteranza tal-poter?
Hawn nistaqsi, imma possibli li ħadd ma qed jitkellem fuq il-laqgħat li Bernard Grech qed ikollu ma’ ċerti businessmen organiżżati minn Ray Bezzina li llum mar jaħdem mad-DB Group? Jekk Caroline Muscat għadha taħseb li n-nies għadhom boloh sejra ħażin. Dan is-sit hu kritiku għal mod ta’ kif qed isiru l-affarijiet b’mod partikolari fil-Partit Nazzjonalista. Nista’ nifhem li jkun hemm min ma jaqbilx miegħi. Imma xi ħadd irid jikkritika lill-Oppożizzjoni ħalli din tissoda u tqum fuq saqajha. Ma għandix dubji li kieku dawn il-manuvri kollha li qed jagħmel Bernard Grech kien qed jagħmilhom Adrian Delia, kieku l-media kollha, ibda minn The Shift qed tagħtina artikli fuq artikli kontra l-Partit Nazzjonalista u l-kap tiegħu.
Imma issa la hemm Bernard Grech, u dan għandu lil Ray Bezzina jirranġalu laqgħat ma’ kuntratturi bi spallejn wiesgħajn, Caroline Muscat tidher li hija kuntenta u trid lill-media tkun biss iffukata fuq l-Gvern u xejn aktar. U skont Caroline Muscat, min jagħmel hekk isir ġurnalista bil-fjokki.
Kemm ngħid lil Caroline Muscat li jien, bħala akkademiku, qatt ma kelli xi aspirazzjoni li nkun ġurnalista. Dak li qed nagħmel huwa analiżi ta’ fatti. Imbagħad min irid jaqrahom u min irid le.