Bernard Grech u l-establishment qed jaħdmu biex itellaq waħdu ħalli b’hekk tkun tista’ ssir elezzjoni b’show of hands
Dan is-sit jinsab infurmat li qed jiżdiedu l-manuvri biex Bernard Grech itellaq waħdu. Anki jekk matul din il-ġimgħa, Bernard Grech ftit li xejn mar id-Dar Ċentrali, l-istrateġisti tiegħu qed jaħdmu qatiegħ ħalli jseħħ dak li talab Bernard Grech, jiġifieri li jingħata mandat b’saħħtu mingħand il-kunsilliera biex ikun jista’ jibqa’ kap għal ħames snin li ġejjin.
Kif inhu l-istatut illum, kap jibqa’ kap jekk iġib il-ħamsin fil-mija tal-voti u wieħed. Il-pjan ta’ Bernard Grech huwa li jżomm in-numru ta’ percentaġġ ta’ voti li kien ġab meta leħaq kap, jiġifieri ta’ 69% u jekk hu possibli jżiedu. Wieħed irid jiftakar li dan kien ġabu minn fost it-tesserati. Dak in-nhar, il-kunsilliera ma ntalbux biex jivvutaw għal kap, peress li kien hemm żewġ kontestanti biss. B’hekk mill-ewwel kienu marru għall-vot tat-tesserati. Il-kunsilliera kienu ntalbu biex jagħżlu bejn vot ta’ fiduċja jew elezzjoni miftuħa.
Fil-kuntest preżenti, il-vot jidher li ser isir biss mill-kunsilliera. Bernard Grech jaqbillu li jdawwar din l-elezzjoni f’konferma fih innifsu, milli f’tellieqa ma’ xi ħadd ieħor. Jekk Bernard Grech ma jkollu lil ħadd kontrih li jikkandida ruħu, huwa jispiċċa jagħmel tellieqa waħdu. Xi ħaġa li Dr Grech jixtieq u qed jaħdem għaliha. Meta talab mandat qawwi mill-kunsilliera, hekk jidher li ried ifisser. Jekk Bernard Grech itellaq waħdu, ma jkunx hemm bżonn li t-tesserati jivvutaw. Il-problema tinsab hawn. Kif ser jivvutaw il-kunsilliera? B’vot sigiret jew b’show of hands? In-nies ta’ Bernard Grech jixtiequ li l-vot isir b’show of hands.
Isir kif isir il-vot, Bernard Grech jaf li ser jitla’. Imma xorta hemm il-biża li jekk il-vot ikun sigriet, Bernard Grech ma jġibx ammonti kbar daqs kemm jixtieq. B’show of hands, il-vot dejjem ikun unanimu. B’hekk, dan is-sit jinsab infurmat li qed jippruvaw jaħdmu biex jaslu li l-konferma ta’ kap issir biss billi l-kunsilliera jagħtu il-kunsens tagħhom b’mod sempliċi, jiġifieri b’show of hands.
Ma hemm ebda dubju li llum ser nisimgħu, waqt id-diskors tiegħu lill-Kunsill Ġenerali, li għalkemm l-elezzjoni intilfet, kulħadd irid jikkonsidra x-xogħol kollu li sar, kemm kien suċċess ir-riġenerar tal-Partit Nazzjonalista u kemm ittieħdu deċiżjonijiet biex il-Partit Nazzjonalista jkun ħafna aktar effettiv.
Għalkemm l-istatut jgħid li wara telfa ta’ elezzjoni trid issir elezzjoni għal kap, jista’ jsir manuvrar biex il-kunsilliera jintalbu jgħidu biss jekk għandhomx fiduċja fil-kap jew le. Jekk jibqa’ waħdu Dr Grech u jiġi deċiż li ssir konferma għal kap, jista’ jkun li xi ħadd jissuġġerixxi li ssir b’‘show of hands’. Jekk tiġri din is-sitwazzjoni u ħadd minn dawk preżenti ma jgħid jew juri x-xewqa li għandu jittieħed vot sigriet minn fost il-kunsilliera, kif spjegajt f’dan l-artiklu, il-kunsilliera jistgħu jintalbu, biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, ħalli jittieħed vot bix-‘show of hands’ minn dawk preżenti.