Għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jagħżel il-kelliema għax-shadow ministry anki jekk għad ma hemmx deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ kap ġdid
Qed issir ħafna kritika li Bernard Grech ma setax jaħtar ix-shadow cabinet tiegħu peress li hu għadu ma ġiex ikkonfermat kap. Min jaf is-sistema, jaf li din hija kritika nġusta. Il-kritika ġusta li trid issir u li qed jagħmel dan is-sit hija li wara li tilef elezzjoni b’40,000 vot, kienet deċiżjoni mgħaġġla wisq ta’ Bernard Grech li jiddikjara li hu jrid jibqa’ kap tal-Partit Nazzjonalista.
Dik kienet indikazzjoni li għalih qisha l-elezzjoni ma saritx u ma ħax dik it-tkaxkira. Kważi qalilna li kollox ‘business as usual’. Sitwazzjoni bħal din turik kemm in-nuqqas ta’ esperjenza politika ta’ Bernard Grech hija qawwija. B’hekk intbagħat messaġġ li Bernard Grech iktar jinteressah il-gwadann tiegħu milli l-ġid tal-Partit Nazzjonalista.
Mela anki kienu ddikkjara li sejjer, xorta kien jibqa’ fl-obbligu li joħloq shadow cabinet. Din hija xi ħaġa apparti mill-konferma jew għażla ġdid ta’ kap. Imbagħad kien ikun għall-kap il-ġdid li jikkonferma dak ix-shadow cabinet jew jibdlu. Wieħed irid jiftakar, li x-shadow cabinet irid ikun maħtur ħalli d-deputati jkunu jafu liema ministru ser isegwu meta jinfetaħ il-parlament. B’hekk id-deputati jkunu jistgħu mill-ewwel jum jaqdu dmirhom sew fil-Parlament. Imbagħad meta jkun hemm il-ħatra ta’ kap ġdid, tkun deċiża t-triq ‘l quddiem.
Wieħed irid jifhem li l-Partit Nazzjonalista ma jistax jiġi abbandunat u l-kap irid jieħu xi tip ta’ deċiżjoni għalkemm qiegħed fil-pożizzjoni ta’ ‘caretaker’. Irridu nsemmu wkoll li l-pajjiż huwa għatxan għal oppożizzjoni b’saħħitha u ma tistax ma twaqqafx kelliema sa meta tgħaddi l-proċedura tal-elezzjoni tal-Kap.
Bil-fors li riedu jingħataw id-dikasteri sakemm jasal biex ikun hemm kap vvotat fil-post. U dan ried isir ukoll biex id-deputati kollha jibdew jintgħaġnu malajr kemm jista’ jkun fil-proċeduri parlamentari. Wieħed jinnota li kull deputat, barra tlieta, ġie mogħti portafol fuq xix jitkellem. Insostni li ma naqbilx li tliet politiċi veterani tħallew barra u ma għandhomx dekasteru.
Bernard Grech waqqaf ix-shadow cabinet tiegħu, imma s’issa għadha ma ħarġet ebda indikazzjoni jew informazzjoni li l-esekuttiv jew il-grupp parlamentari bdew jiddiskutu r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali. Hemm bżonn ta’ dibattiti serji. Hemm bżonn li kemm jista’ jkun malajr isiru diskussjonijiet dwar id-direzzjoni futura. Hemm bżonn ukoll li l-Partit Nazzjonalista jagħraf x’inhuma l-prijoritajiet tiegħu wara telfa bħal dik. Irridu wkoll naraw x’inhu l-programm politiku ta’ Bernard Grech mhux billi qabad u qal li hu jrid mandat aktar b’saħħtu milli diġa’ kellu. Għalkemm huwa kruċjali li l-Partit Nazzjonalista jirriġenera ruħu, huwa wkoll kruċjali li l-kap tal-partit jindika direzzjoni politika ċara. Dan irid jagħmlu qabel jistenna jew jippretendi li jerġa’ ikun mogħti t-tmexxija tal-Partit għal darba oħra.