Partitarju kbir ieħor ta’ Bernard Grech jgħid li tilef il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista

Antoine Vella huwa kollega tiegħi l-Universita’. Ma konniex qbilna matul id-dibattitu li kien hemm fil-Partit Nazzjonalista jekk Adrian Delia kellux jibqa’ jew le u mbagħad ma qbilniex aktar dwar jekk Bernard Grech hux l-aħjar għażla għall-Partit Nazzjonalista. Antoine Vella kien iqis li Bernard Grech bħala l-aħjar għażla. Infatti sa mill-bidu li kien leħaq Adrian Delia, Antoine Vella dejjem kien kontra tiegħu. Fuq kollox, hu kien supporter kbir tal-Blue Heroes. Din hija opinjoni politika tiegħu li ma qbiltx magħha imma dejjem irrispettajtha.

Issa Antoine Vella jidher li biddel l-opinjoni tiegħu dwar kif qed jaħdem il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech. Għadu kif tella’ post fejn ma qabilx ma’ Grech li apponta shadow minister b’responsabilita’ lejn il-kaċċa. Dan ifisser li fil-gvern futur Nazzjonalista, il-kaċċa ser tkun prijorita’. Vella ma qabilx. Fil-messaġġ bl-Ingliż li kiteb wera li tilef il-fiduċja tiegħu fil-Partit Nazzjonalista. B’hekk jidher ċar li f’din l-elezzjoni li ser issir tal-kap – issir kif issir – Antoine Vella mhux ħa jivvota għal Bernard Grech. Kif wieħed jista’ jivvota favur mexxej metaqed jgħid li minħabba għażla li dan il-mexxej għamel, hu tilef il-fiduċja fil-partit tiegħu stess? Qed ngħid dan għaliex Antoine Vella qal li mhux lest li jivvota għall-partit li jippromovi l-kaċċa għaliex il-prinċipji tiegħu jiġu qabel dawk tal-partit u huwa ma jaqbilx li wieħed jippromovi l-qtil tal-għasafar għal gost u jinkuraġġixxi lill-oħrajn jagħmlu l-istess.

Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-argument, hemm punt prinċipali li naqbel ma’ Antoine Vella, anki jekk Antoine Vella mhux qed isemmih direttament imma indirettament għaliex f’din l-għażla, il-PN qed isegwi lil-Lejber. Dan hu punt li ili nitkellem fuqu sa mill-2013. Il-PN irid jieqaf jipprova isir kopja tal-Labour kif kienet qaltlu biex jagħmel Daphne Caruana Galizia. Jekk il-PN irid jerbaħ, irid jerġa jmur għall-prinċipji bażiċi tiegħu. Illum jidher li hu partit li qed jitlef il prinċipji bażiċi tiegħu u għalhekk hawn dan il-qsim kollu.

Jidher ċar li issa Bernard Grech mhux qed jitlef biss il-partitarji mitqiesha ta’ Adrian Delia, imma qed jitlef ukoll partitarji li kienu mitqiesha tiegħu. Fi kliem ieħor, minn mindu leħaq kap, qed jitlef lill-kulħadd. Dan ikompli jsaħħaħ l-argument li qed nagħmel li l-PN għandu bżonn wiċċ ġdid li jkun kapaċi jiġbed lill-kulħadd.

2 thoughts on “Partitarju kbir ieħor ta’ Bernard Grech jgħid li tilef il-fiduċja fil-Partit Nazzjonalista

  1. Simon, ippermettili nikkoreġi l-impressjoni li għandek dwar id-dissens tiegħi.

    Il-fiduċja f’Bernard Grech m’għandha x’taqsam xejn ma dan kollu u hija interpretazzjoni personali tiegħek li ma nafx kif wasalt għaliha; żgur mhux minn kliemi.

    Il-Partit Nazzjonalista għamel għażla strateġika li jkun il-partit tal-kaċċa, xi ħaġa li awtomatikament teskludini. Hija għażla leġittima, għax kif hawn partiti ambjentalisti jista’ jkollok partiti tal-kaċċa. Għaliex le? Imma jien ma nistax nappoġġja partit hekk.

    Issa jekk b’dan il-pass il-PN hux qed isegwi l-Labour jew le ma jimpurtanix; hemm bżonn neħilsu minn din il-mentalità li kollox nanalizzaw b’lenti ta’ pika partiġġjana.

    Li jimpurtani hu li l-posizzjoni preżenti tal-PN mhijiex kompatibbli mal-prinċipji tiegħi rigward l-ambjent. Huwa biss dan li qed nesprimi u xejn iktar.

    Qed tieħu żball meta tipprova tippersonalizza l-kwistjoni u ddaħħal lil Bernard Grech fin-nofs. Mill-artikli tiegħek nifhem li għandek aġenda – fiha nnifisha ħaġa leġittima wkoll – u tinterpreta l-affarijiet b’mod li jkunu jaqblu magħha. Filwaqt li din hija ħaġa naturali, ma tridx tasal sal-punt li tpoġġi kliem f’ħalq dak li jkun u tattribwixxi opinjonijiet li qatt ma ġew espressi.

    Ovvjament jien ukoll għandi aġenda u, filwaqt li nirringrazzjak li wassalt il-messaġġ tiegħi lil pubbliku iktar wiesgħa, niddikjara li l-interess tiegħi huwa biss il-prinċipju tal-ħarsien ambjentali.

    Ma nafx eżatt x’qed tifhem meta tgħid li jien “tlift il-fiduċja f’Bernard Grech” imma huwa titlu żbaljat; ma ngħidlux agħar minn hekk għax ma rridx inkun polemikuż. Li ma taqbilx ma partit politiku, anki fuq punt fundamentali bħal dak tal-ħarsien ambjentali, ma jfissirx li titlef il-fiduċja f’xi ħadd.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading