Mark Anthony Sammut jifraħ lil Adrian Delia u jsejjaħlu kollega

Mhux għax tkun trid imma meta tara ċertu kummenti jkollok tirreaġixxi għal dak li jkun inkiteb. Adrian Delia tella’ post fuq il-Facebook tiegħu fejn semma t-temi li bihom ġie nkarigat bħala shadow minister. Delia talab ukoll kull għajnuna li tista’ tingħatalu permezz ta’ ħsibijiet, ilmenti u ideat biex jagħmel żgur li jkun qed iwassal il-fehma tal-poplu in ġenerali.

Wieħed li għamel kumment qasir imma sinifikanti kien Mark Anthony Sammut. Dan qal hekk: “awguri kollega”. Tajjeb li wieħed jixtieq il-ġid lil xi ħadd li jafu jew addirettura issa sar kollega tiegħu. Tajjeb li tawgura xogħol ta’ fejda lil xi ħadd li ser ikun jaħdem spalla ma’ spalla miegħek.

Imma tajjeb ukoll li wieħed jiftakar minn fejn tlaqna bejn dawn it-tnejn min-nies. Mela bil-fors irridu niftakru kemm ‘il sejf daħħal Mark Anthony Sammut f’dahar Adrian Delia. Tajjeb li niftakru li dan kien il-prim kontestant li għamel minn kollox biex iwarrab lil Adrian Delia minn kap. Tajjeb li niftakru li kien il-perċimess li dahar numru kbir ta’ kunsilliera biex jiffirmawlu l-mozzjoni għal vot ta’ sfiduċja f’ Adrian Delia.

Bil-fors irridu niftakru kemm-il darba qam bil-wieqfa jgħajjar lil Adrian Delia waqt laqgħat tal-esekuttiv li kienu jsiru fi żmien Delia bħala Kap, kemm meta kien president tal-esekuttiv hu u anke wara.

Irridu wkoll niftakru li dan kien kandidat fuq distrett fejn kien hemm kandidat ukoll Jason Azzopardi.  Fuq kollox ħareġ fuq distrett fejn Jason Azzopardi xtaq joħroġ fuqu u ma tħalliex.

Ħafna votanti fuq ir-raba’ distrett jgħidu li Mark Anthony Sammut ħadem kemm felaħ biex jaqliba lil Jason Azzopardi peress li Jason Azzopardi kien kontra Adrian Delia u fuq ir-raba’ distrett hemm ħafna Nazzjonalisti li huma wara Adrian Delia. Sammut ħadem biex inessi dan l-imgħoddi tiegħu. Forsi ukoll, ħadem biex joskura l-kompetizzjoni ta’ Jason Azzopardi fuq l-istess distrett. Kull ma ħareġ ċar hu li Mark Anthony tela’ u Jason baqa’ l-art.

Imma issa wasal iż-żmien li min ħadem tant kontrih, lil Adrian Delia, jawguralu. Mela verament dak li ġara fil-konfront ta’ Adrian Delia kien kollu ġakbinar u gideb sfaċċat mmexxi mill-ġurnalisti tal-mainstream media u tal-knisja.

Tgħid ser jiġi bżonn l-għajnuna ta’ Adrian Delia? Ma ninsewx li Delia kiteb li hu qed iwiegħed l-appoġġ sħiħ tiegħu lil kollegi sħabu. Tgħid Mark Anthony Sammut qed iwitti t-triq għal meta ser ikollu bżonn xi ftit għajnuna biex isaħħaħ l-argumentazzjoni tiegħu fid-dikasteru li ġie fdat lilu jew qed jara aktar fil-futur?

Meta taqra kummenti bħal dawn u tirrifletti fuqhom jibdew jiġu ħafna ħsibijiet ta’ x’ikun hemm moħbi warajhom. Nispera li l-futur tal-Partit Nazzjonalista ma jkunx agħar mill-imgħoddi riċenti.

2 thoughts on “Mark Anthony Sammut jifraħ lil Adrian Delia u jsejjaħlu kollega

  1. Nahseb il PN ghandu ikun grat lejn Dr Delia ghax minajr il voti tieghu I tkaxkira kinet tkun hafna akbar.

Leave a Reply to Josef7Cancel reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading