Bernard Grech imur kontra dak li kien qal biex jibqa’ jieħu salarju akkumulattiv fuq perjodu ta’ ħames snin ta’ 250,000

Minn osservatur politiku

Il-Ħadd 30 ta’ Jannar 2022 il-gazzetta l-Illum kienet qaltilna li Bernard Grech ser jibqa’ kap biss jekk jirnexxilu jnaqqas id-distakk għal 30,000 vot jew inqas. Illum nafu li tilef b’distakk ta’ 40,000, u fi żmien ftit minuti mir-riżultat, mar jgħid li hu ser jitlob mandat aktar b’saħħtu. Mela ovvja li nesa kliemu u jrid jibqa’ hemm allavolja tilef telfa madornali. L-inkonsistenza tixxala ma’ Bernard Grech. Li jgħid illum imur kontra tiegħu l-għada.

Dan in-nuqqas ta’ kjarezza fi kliem Dr Bernard Grech baqa’ għaddej bih matul il-kampanja elettorali kollha. Kuljum konna nistennew x’tibdil kien ser ikun hemm fi kliem il-kap tal-Partit Nazzjonalista. Possibbli dan ir-raġel ma jafx jgħid ħaġa illum u jibqa’ jsostniha l-għada jew ftit ġranet wara?

Din il-kondizzjoni li kien għamel Bernard Grech fl-aħħar ta’ Jannar insieha għal kollox ftit ħin wara li ħareġ ir-riżultat. Tant hu għatxan li jibqa’ imexxi il-Partit Nazzjonalista li lanqas biss ikkonsidra l-kliem li kien qal hu stess. Wieħed jifhem li hemm interess totalment personali biex Bernard Grech jibqa’ iżomm din il-pożizzjoni wara telfa storika bħal dik.

U l-aktar ħaġa li ssostni dan l-argument hi li Dr Grech sejjer tajjeb finanzjarjament. Qed idaħħal bagatella kemm ilu l-kap tal-Partit Nazzjonalista u kap tal-Oppożizzjoni. Issa din qed tingħad fil-pubbliku. Ħa nġib il-messaġġ li għamel Andre Grech, eks-Kunsillier Nazzjonalista fil-grupp ta’ Simon Mercieca, making politics, taħt l-artikli dwar Dr. Frank Psaila u l-mara tiegħu Alessia wara li persuna għajrithom opportunisti.

L-inkosistenza tiegħu twerwer lin-nies. Ma jistax ikun li kull darba li jiftaħ ħalqu, tistenna li ser imur kontra kliemu stess, li jkun qal lejliet jew xi ġranet qabel. Dan huwa timbru li ser jibqa’ jiġri warajh. Dan huwa l-istil ta’ politika tiegħu. Dan huwa vizzju li mhux faċli teħles minnu għax meta tagħmlu għal aktar minn darba u ma jdejqekx, tant li terġa’ tirrepetih, allura jkun sar parti mill-modus operandi tiegħek. Dawn huma stanzi li saru kemm-il darba kemm ilu fil-politika Bernard Grech.

Smajna kemm-il darba diskors li jmur kontra dak li jkun qal qabel. U din ma tawgurax tajjeb għall-futur jekk dan ir-raġel ser jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex kif diġa’ sar Dr Bernard Grech ser ikun dejjem taħt il-lenti tal-kritiċi tiegħu li huma ħafna. Kliemu ser ikun meqjuż aktar fid-dettal u ser jixkfuh kull darba li jieħu falza stikka. Ma jistax jibqa’ għaddej b’din it-tip ta’ politika għax kull ma tagħmel hi, li kliemu ma jiġix meqjuż bħala affidabbli waqt li ser jibqa’ jidher, f’għajnejn l-istess partitarji tiegħu li hu bniedem opportunist.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *