“Aktar ma jitkisser il-PN, warajh jinżel ukoll il-PL”
Ftit tal-jiem ilu, tellajt post fejn għidt li l-Lejber beda d-deklin tiegħu. Ġibt anki l-istatistika biex nuri li dan qed iseħħ. Wieħed li kkummenta kien John Spiteri Gingell. Hu għamel kumment interessati li jistħoqqlu jidher bħala post għaliex fih ħafna x’wieħed jaħseb. Fih Spiteri Gingell kiteb hekk:
Naqbel – jgħidu x’jgħidu l-għomja, il-PL beda id-deklin u aktar ma jitkisser il-PN, warajh jinżel ukoll il-PL. Din xi ħaġa ovvja – meta tqis li r-relazzjoni bejniethom hija waħda simbjotika – li wieħed huwa parassita fuq l-ieħor u viċi versa. Meta jisfaxxa għal kollox il-PN, f’min ser iwaħħal il-Labour? B’min ser ibeżża’ iżjed il-PL? L-attenzjoni ser iddur kollha fuqu għax ma jifdal ħadd iżjed… U l-opportunitajiet għall-iskużi jonqsu. L-iskrutinju kollu jkun fuqhom u d-diżgwid intern (li diġa’ jeżisti, ejja ma noqgħodux nippretendu) jiżdid hekk kif wieħed jibda jwaħħal f’sieħbu u sieħbu jwaħħal fih. Dawn affarijiet ġraw pajjiżi oħra. Fil-fatt, graw tul l-istorja tal-bniedem kollha u m’aħniex eċċezzjoni. J’alla jinżlu t-tnejn forsi Malta – x’fadal minnha tibda tieħu r-ruħ – miftumin mit-tribaliżmu. Forsi l-poplu jkollu jitgħallem jagħmel sforz ikbar biex jaħseb b’mod kritiku.
