Il-kampanja presidenzjali ta’ Macron qed tiffoka fuq il-vot tan-nisa: ħabbar miżuri biex jgħin nisa infertili minħabba l-eta’.

Herman Farrugia

Blog post minn Dr. Hermann Farrugia

Waħda mill-kontroversji li laqtet lil Roberta Metsola wara li ġiet eletta president tal-Parlament Ewropew kienet dik dwar l-abort. Biex wieħed jgħid kollox, din ma ġietx ikkreat minn Metsola nnifisha imma mill-President Franċiż Emanuel Macron.

Bħalissa Franża għandha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea u qegħda fuq l-għatba tal-elezzjoni presidenzjali li ser isiru f’April. Wieħed jista’ jżid li d-diskors ta’ Macron fil-Parlament Ewropew ġie mitqies bħala wieħed politiku u propagandistiku u b’hekk ma ntlaqax tajjeb minn numru ta’ deputati ta’ dan il-Parlament. Infakkar li fid-diskors tiegħu Macron tkellem dwar il-fatt li jrid jagħmel l-abort bħala dritt fundamentali. Ħafna deputati qaluha ċara li Macron uża l-Parlament Ewropew bħala pjattaforma għall-kampanja presidenzjali tiegħu fi Franza. Infatti, anki meta għamel il-konferenza stampa ġewwa Brussel flimkien ma’ Roberta Metsola, bħala l-President tal-Parlament Ewropew, numru ta’ ġurnalisti ħarġu l-barra mis-sala bi protesta kontra Macron.

Dak li nista’ nżid li Macron kuljum qed joħroġ b’xi ħaġa ġdida. Jidher li Emanuel Macron qiegħed ifittex u jirsisti sabiex jikkonsolida l-appoġġ elettorali presidenzjali tiegħu fost iż-żgħażagħ u b’mod partikolari mat-tfajliet u man-nisa Franċiżi. Dan jispjega għala dan id-diskors ta’ Macron fil-Parlament Ewropew ġie interpretat bħala wieħed politiku u agħar propagandistiku.

Infakkar li wara li fil-ħarifa li għaddiet, Macron kien speċifikament ħabbar li kien sejjer joffri b’xejn l-kontraćettivi (iżda mhux il-morning after pill bħalma kien fattarha l-PN taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech) lit-tfajliet kollha ta’ bejn it-18 u l-24 sena (u mhux mis-16-il sena ‘il fuq kif għadu qiegħed iwiegħed il-PN), il-bieraħ Macron wiegħed aċċess faċilitat għall-kura medika u psikologika aktar adatta u effikaċi kontra l-endometrijosi li ġewwa Franza tolqot kważi 10 fil-mija tat-tfajliet u nisa fl-eta’ ta’ riproduzzjoni.

Il-President Franċiż, li issa wasal biex uffiċjalment iħabbar il-kandidatura tiegħu għall-inkontru elettorali ta’ April’ 22, ħalef ukoll li jixpruna taqbida feroċi kontra l-infertilita’ jew aħjar disfertilita’ (li tfisser diffikulta’ u dewmiem fit-tnissil tal-ulied) li fi Franza, kif spjegajt aktar ‘il fuq qed tolqot mal-10 fil-mija tal-koppji. Din hija esperjenza umana li jgħaddu minnha partikolarment dawk ta’ eta’ aktar avvanzata jew koppji li ġeneralment ikunu intenzjonalment ipposponew il-prokreazzjoni minħabba raġunijiet personali, demografiċi u kawżi soċjo-kulturali inkluża dawk purament ekonomiċi, eżiġenzi ta’ żvilupp tal-karriera jew tort ta’ problemi oħra koeżistenti ta’ saħħa fiżika jew ta’ dik psikologika-sesswali.

Fi kliem ieħor, fuq naħa Macron qiegħed jgħid li l-abort għandu jkun rikonoxxut bħala dritt fundamentali tal-bniedem u fuq l-oħra qed jipprova jara kif ser iżid il-popolazzjoni ta’ Franza li qed tbati minn tnaqqis li qed ikun ikkaġunat mill-abortijiet u wkoll mill-fatt li ħafna tfajliet qed jiżżewġu tard jew qed jipposponu ż-żmien ta’ meta jkollhom l-ewwel tarbija bir-riżultat li qed jiżdiedu d-diffikultajiet mediċi fejn nisa jibdew ibatu biex jinqabdu tqal minħabba l-eta’. U lil dawn in-nisa, issa l-istat Franċiż irid jara kif ser jgħinhom biex jagħmel tajjeb tad-deficit demografiku li ġie kkreat fil-popolazzjoni Franċiża minħabba dawn it-tibdiliet soċjali li seħħew.

Huwa naturalment interessanti l-varjeta’ ta’ wegħdiet f’dal-qasam vitali tas-saħħa riproduttiva tal-koppja. Dak li nista’ nżid huwa li jekk wieħed jara r-rata tal-fertilita’ f’Malta, jkun interessanti jekk il-partiti politiċi tagħna jibdewx jaħsbu fuq din il-linja ta’ għajnuna lil dawn in-nisa Maltin ukoll. Is-sitwazzjoni futura ta’ pajjiżna mhix differenti minn dik Franċiża. Din il-kundizzjoni ta’ saħħa sesswali, jiġifieri endometrijosi, qed tiżdied fost in-nisa Maltin u ser tkun fattur li fuqha kemm il-politiċi u l-poplu Malti jridju jibdew jitkellmu dwarha.

https://www.france24.com/en/europe/20220120-fighting-endometriosis-i-don-t-know-what-it-means-to-be-free-from-pain?fbclid=IwAR3igzRfNqWn21Kltk9jgnEWh0p6Ga8fhDKCb6VR7upSopFglOjnKdgusuo

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *