Dawn l-attakki li rajna fuq Konrad Mizzi huma marbuta mal-libell li l-istess Mizzi kien fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia?

F’dawn l-aħħar jiem, rajna lil dawk kollha li huma marbuta mal-familja Caruana Galizia, jiġifieri Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina li huma membri fil-Kumitat tal-Parlament tal-Kontijiet Pubbliċi, il-Grupp Repubblika, u magħhom ingħaqad il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech, jattakkaw bla ħniena lil Konrad Mizzi. Dak li ma jibdiex jara l-affarijiet jaħseb li dawn qed jiġġieldu għad-demokrazija u huma kontra l-korruzzjoni.

Illum ħareġ dettall importanti fil-qorti. Illum kompliet tinstema l-kawża tal-libell li Konrad Mizzi u Lindsay Gambin kienu fetħu kontra Daphne Caruana Galizia. Anki jekk il-ġurnalista nqatlet, il-libell ma kienx ġie irtirat. B’hekk il-familja Caruana Galizia illum hija liable u risponsabbli minn dan il-libell.

Fil-qorti ħareġ ċar li kemm il-familja Caruana Galizia u l-avukat ta’ Konrad Mizzi u Lindsay Gambin lesti li jilħqu ftehim fuq dan il-libell barra l-qorti. Fil-blog tagħha Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li  Konrad Mizzi kellu relazzjoni ma’ Lindsey Gambin. Gambin ukoll kienet fetħet libell lil Daphne Caruana Galizia. Dan il-libell kellu jkompli jinstema dal-għodu imma l-avukat ta’ Mizzi u ta’ Gambin (li hu l-istess wieħed) talab lill-qorti għal ftit iktar żmien għax kien hemm possibilita’ li jaslu għal ftehim barra l-qorti.

X’hemm aħjar milli l-akkolti ta’ din il-familja jagħmlu kampanja kontra l-istess Konrad Mizzi, biex iqegħdu aktar pressjoni biex jintlaħaq ftehim? Dak li ħareġ s’issa fil-qorti li jidher li fil-mobile ta’ Yorgen Fenech, Lindsay Gambin hija mniżżla bħala l-lover ta’ Konrad Mizzi.  Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretendent Arnaud. Biss Arnaud ma setax jikkonferma dan kollu, għax qal li din hija informazzjoni li jista’ jikkonfermawha l-kollegi tiegħu. Mela għal darba oħra, l-uniku evidenza li jista’ jinġab biex ikun ippruvat fatt huma biss mill-mobile ta’ Yorgen Fenech. Dan ifisser li l-familja Caruana Galizia u l-partijiet l-oħra jridu jgħajtu lil Yorgen Fenech ħa jixhed. F’daqqa waħda, il-partijiet kollha lesti jiddiskutu minn wara l-kwinti u jsibu soluzzjoni. Anzi l-maġistrata stess ħeġġithom, skont dak li kien ippubblikat fil-Lovin Malta, biex isibu soluzzjoni barra l-qorti.

Inkun qed nagħmel analiżi tajba jekk ngħid li f’daqqa waħda Mizzi ma baqax il-politiku maħmuġ li għandu jintbagħat il-ħabs? Inkun qed nagħmel analiżi tajba jekk ngħid li għandna każ ieħor fejn potenzjalment Yorgen Fenech jista’ jkun mgħajjat biex jixhed u l-partijiet jippreferu ftehim barra l-qorti? Inkun qed nagħmel analiżi korretta meta ngħid li l-familja Caruana Galizia titlef il-libell, għaliex kieku mhux ser jipprovaw jaslu fi ftehim barra l-qorti ma’ politiku korrott?

Qed jasal il-ħin biex iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma. Kieku l-familja Caruan Galizia verament kienu jemmnu li Konrad Mizzi hu korrott, ma kienux ifittxu biex jaslu għal xi soluzzjoni miegħu barra l-qorti. Mela dawn l-attakki li rajna fil-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi u fuq il-media kienu kollha biex ikun hemm aktar pressjoni ħalli jinsab xi forma ta’ ftehim.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *