Peregin jiddefendi lill-Partit Nazzjonalista fuq Lovin Malta

Ftit tal-ġranet ilu, fuq Lovin Malta tela’ artiklu fejn iddikjara li l-Partit Nazzjonalista miet u jrid ikun xi ħsieb radikali biex jerġa’ jagħtih il-ħajja. Chris Peregin kiteb artiklu biex jwieġeb lil Julian Bonnici, l-ġurnalist ta’ Lovin Malta li kien kiteb dan l-artiklu.

Waqt li nifhem li Lovin Malta u Christian Peregin huma persuni separati, nifhem ukoll li f’gazzetta jista’ u għandu jkun hemm kurrenti differenti. Biss din l-istorja ħolqot ċertu mistoqsijiet. Dawn il-mistoqsijiet jinħolqu mhux biss għaliex Christian Peregin kien il-persuna li waqqaf Lovin Malta, imma minħabba l-fatt li l-istess Peregin għadu ma nfatamx għal kollox minn din l-istess gazzetta.

B’hekk fuq livell politiku, Peregin deher li qed igiddeb lill-editur ta’ Lovin Malta. Chris Peregin kiteb fl-artiklu tiegħu biex jgħid li l-verita’ hija li l-Partit Nazzjonalista huwa ħaj u li bħalissa l-partit għaddej minn żmien importanti li ħaqqu jkun trattat u analizzat aħjar mill-media! Kumment bħal dan iqabbdek ftit tad-daħq meta tiftakar li meta l-istess Peregin kien ġurnalist kien jagħmel xogħolu u jikteb artikli iebsin fuq l-istess Partit Nazzjonalista. Dak iż-żmien, il-Partit Nazzjonalista kien immexxi minn Adrian Delia. Għal ħafna Nazzjonalisti, huwa diffiċli biex dawn l-affarijiet jintesew. Ħa nislet biċċa minn dak li kiteb Peregin li għoġbitni u li fakkritni f’ħafna iktar kitba li kienet saret fl-imgħoddi meta Adrian Delia kien għadu kap ta’ dan il-partit.

Whoever thought Bernard Grech could turn around PN’s fortunes in a few months was unrealistic: both in terms of what it takes to organise a political party, but also in terms of what Labour has done to Malta”.

Skond Peregin, min ħaseb li Bernard Grech se jdawwar kollox fi ftit xhur fil-Partit Nazzjonalista ma kienx realistiku għaliex mhux faċli li torganiżża partit politiku. Peregin iwaħħal dan fil-Partit Laburista. Minħabba dak li għamel il-Partit Laburista f’dawn l-aħħar snin f’Malta, il-Partit Nazzjonalista ma jistax idawwar kollox malajr. What is sauce for the goose is sauce for the gander jgħidu bl-Ingliż. Allura dak li qed jgħid Peregin għal Bernard Grech jgħodd ukoll għal Adrian Delia! Biss meta Delia kien kap, Peregin kien jitkellem mod ieħor. Għalhekk ma hemmx konvinzjoni wara dan id-diskors. X’qed ikun implikat b’dan il-kliem? Qed jipprepara ruħu għal wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja biex Bernard Greh u t-tim kollu tiegħu ma jitilfux posthom?

Biss hemm aktar minn hekk fil-kitba ta’ Peregin. Hu qalilna li l-ġurnalisti u kommentaturi jafu bil-pagamenti li jsiru mill-Gvern mit-taxxa tal-poplu għall-propaganda tal-Gvern stess. Il-Gvern ilu jirrakkonta narrattiva mill-2013 li l-Partit Nazzjonalista miet. Mhux ser insemmi l-fatt li hu qed ikun imħallas biex jibni n-narrattiva tal-Partit Nazzjonalista. Biss meta hu kien parti minn Lovin Malta, din il-media, bħal media oħrajn irċeviet flus forma ta’ riklami jew b’mod ieħor mingħand dan il-gvern biex tmexxi l-propaganda tiegħu. L-istess Peregin spiċċa jammetti dan għaliex kiteb “I was on the receiving end of it”. Fi kliem ieħor, għandna ammessjoni oħra li kien ipappiha tajjeb taħt Joseph Muscat. Infakkar li min qatt ma pappiha kien jiġi attakk u għadu jiġi attakkat.

Għalhekk wieħed jistaqsih lil Christian Peregin. Jekk huwa stess hux waħda mir-raġunijiet għala l-Partit Nazzjonalista ma jistax jieħu r-ruħ għax f’għajnejn ħafna eletturi, huwa wieħed minn dawk li pappuha taħt dan il-gvern li issa qed ikun deskritt bħala korrott? F’għajnejn l-elettorat hu qed jidher li qed jibdel id-diska. Imma din ser tagħtih kredibilita’ politika lilu u lill-Partit Nazzjonalista? Ma naħsibx.

Għal ħafna Nazzjonalisti, Peregin għamel ħafna snin propagandist ta’ Joseph Muscat. F’dan il-perjodu attakka bla ħniena l-kap Nazzjonalista li kien hemm qabel. Konverżjonijiet fit-triq ta’ Damasku jsiru. Biss wara din l-konverzjoni kien hemm anki paga fenominali li sal-lum għadha miżmuma sigrieta. B’hekk mhux biżżejjed li wieħed jikteb li l-Partit Nazzjonalista “is doing an important service to the country” għaliex għal ħafna, il-veru servizz li qed isir illum mill-Partit Nazzjonalista huwa biex erba’ bażużli jkomplu jħaxxnu bwiethom!

Leave a Reply