Dwar l-abort: Dr Bernard Grech qarrieqi jew injorant?

Minn qarrej ta’ l-blog.

Qarrieqi?

Kliem goff. Naf. Imma ħa nispjega għaliex. Mela il-Partit Nazzjonalista matul dal-ġimgħatejn kien f’aħbarijiet fuq polemika li waħda mil kandidati tiegħu qalgħet hi stess. Din il-kandidata ħassitha offiża u attakkata b’”Hate Speech” għax hi persuna pro-choice, jiġifieri favur l-abort. Il-Kap tal Partit Nazzjonalista, Dr Bernard Grech, ħareġ jappoġġja u anki hu kkundanna dan li qed jiġi imsejjaħ attakk. Qarrieqi?

Is-suġġett tal-abort issa ilu jdur fuq il-kapijiet tal-Partit Nazzjonalista għal diversi snin. Dan għaliex il-linja politika tal-Partit Nazzjonalista hi Demokristjana u Konservattiva. Meta Dr Adrian Delia laħaq kap tal-Partit Nazzjonalista, waħda mill-ewwel mistoqsijiet li ġie mistoqsi kienet dwar x’hini il-fehma tiegħu fuq l-abort.

Dr Adrian Delia fir-risposta tiegħu kien skjett u ċar. Hu jemmen li l-ħajja tibda mill- konċipiment sal-mewt naturali tagħha. Għalhekk, hu kien b’saħħa, kontra abort. Ir-riżultat ta’ dan kollu kien li Dr. Adrian Delia qata’ ras is-suġġett tal-abort fil-Partit Nazzjonalista. B’riżultat ta’ dan kollu, dan is-suġġett ma reġgħax issemma sakemm Dr Adrian Delia kien għadu kap tal-Partit Nazzjonalista.

Mhux l-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Dr Bernard Grech. Infakkarkom li malli Dr Bernard Grech tefa’ n-nomina tiegħu biex jikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, dan ġie ffaċċjat bil-mistoqsija dwar x’kienet il-fehma tiegħu dwar l-abort. Fit-tweġiba tiegħu, kien qal li hu lest jidħol f’diskussjonijiet dwar is-suġġett. Din it-tweġiba ġiet interpretata bħala li hu kien lest jikkunsidra li jiddaħħal l-abort f’Malta. Ovvjament, dan qajjem furment sħiħ qalb il-partitarji Nazzjonalisti.

Tant li s-suġġett tal-abort baqa’ jiġri warajh tul il-kampanja kollha għal dik l-elezzjoni. Tul il-kampanja kien reġa’ ġie mistoqsi darbtejn oħra dwar l-abort. Ma kull darba beda jirrispondi b’mod biex ibbenġel it-tweġiba jew kif jgħidu bl-Inġliż għamel damage control.

Dr Bernard Grech sa tmiem il-kampanja kien spiċċa bi tliet verżonijiet li jikkonfliġġu bejniethom dwar is-suġġett tal-abort! Fit-tmexxijia tiegħu, Dr Bernard Grech daħħal bħala kandidati elettorali ġodda li iddikkjaraw bil-miftuħ li huma pro-choice, jiġifieri favur l-abort.

Xi kandidati jew MPs oħra, ukoll ħassuhom tant komdi li ma iddejqux juru ruħhom bħala simpatiżżanti ma’ min hu Pro-Choice. Anki fl-esekuttiv u fora oħra fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ddaħħlu u ġew eletti persuni li huma pro-choice. Saħansitra, ftit xhur ilu, Dr Bernard Grech ħaddem persuna fil-Partit Nazzjonalista f’rowl important ħafna, dik ta’ “campaign strategist” persuna magħrufa li hi pro-choice.

Dawn l-avvenimenti kollha kabbru d-dubju qalb il-partitarji tal-Partit Nazzjonalista li l-Partit Nazzjonalista ser jieħu allineament politiku favur abort. Saħansitra, f’waħda mill-proposti li beda iħabbar f’dawn l-aħħar xhur kienet li meta jkun fil-Gvern, hu ser jibda iqassam liż- żgħażagħ tal-fuq mill-eta’ ta’ 16-il sena, l-“After Morning Pill” b’xejn. Din hija pinnola abortiva.

Dr Bernard Grech dejjem jirribatti it-tħassib tal-partitarji tal-Partit Nazzjonalista billi jgħid li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid ċar li il Partit Nazzjonalista hu kontra abort. Il-problema hi l-azzjonijiet tiegħu qed juru il-kontra!

L-aħħar mossa li għamel f’tentattiv biex jaqta’ ras din il-kontroversja, kien nhar 9 ta’ Novembru, meta mar fuq ir-radju u ddikjara li fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx post għal min huwa favur abort. Imma fil-frattemp, min dak in-nhar sal-lum, dawk il-persuni Pro-Choice, la rreżenjaw u la ddikjaraw li bidu fehmithom u wisq anqas ma ġew imkeċċija. Din qed iġġib aktar tħassib bejn il-partitarji Nazzjonalisti, partit konservattiv, dwar il-kredibilita’ ta’ Dr. Bernard Grech u l-vera aġenda tiegħu. Il-bicca hi, li partitarji Nazzjonalisti jafu u jiftakru sew li l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu kontra abort. Din mhix garanzija li meta ikun il-partit fil-Gvern, abort ma jsirx legali hawn Malta! Il-Partit Nazzjonalista ukoll kien kontra id-divorzju, saffrattant, id-divorzju ġie legalizzat f’Malta meta il Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern! Hawn, niġi għat-tieni parti tal-mistoqsija.

Injorant?

L-Ingliż jgħid “Those who do not know history, are doomed to repeat it“. Studjużi jgħidu li l-injoranza fl-istorja hi perikoluża għas-soċjeta’. Possibli Dr Bernard Grech, nesa x’ġara fil-gvern ta’ Gonzi? Kif għidt qabel, nesa kif id-divorzju daħal Malta allavolja il-Partit Nazzjonalista fil-gvern u l-Prim Ministru kienu kontra id-divorzju. Hawn ma irridx nidħol f’argument jekk kienx ta’ ġid jew le d-divorzju f’Malta, imma qed nuża s-suġġett biss, bħala eżempju u kronoloġija ta’ kif ġara dak l-episodju.

Kellna partit fil-gvern li kien kontra id-divorzju, pero’ fil-parlament kien hemm membri parlamentari min-naħa tal-gvern stess li kienu jaħsbuha differenti mill-istatut tal-partit Nazzjonalista u l-ideali tiegħu. Dawn kienu favur id-diskussjoni jekk id-divorzju għandux jidħol f’Malta. U waħidhom marru kontra l-kurrent tal-gvern. Infakkar li l-Private Members Bill tressqet minn deputat fil-parlament li kien membru tal-gvern.

Bil-iStatut tal-Partit Nazzjonalista b’kollox, id-divorzju xorta ġie legaliżżat f’Malta. Hu hekk ser jerġa jiġri fil-Partit Nazzjonalista dwar abort! Jinstema ħafna kliem sabiħ u populist. Id-diskors li nisimgħu hu li Dr Bernard Grech u esponenti oħra iħobbu jgħidu li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ lill-kulħadd bħal qawsalla ta’ kuluri. Hemm differenza li tilqa’ nies ta’ opinjonijiet differenti għad-diskusjoni, imma mbagħad tagħmel minn dawn l-individwi l-kandidati tiegħek. Saħansitra uħud minnhom saru l- kandidati stilla tal-Partit Nazzjonalista.

Min jitfa’ il-lifgħa ġo ħobtu, ma jistenna xejn aktar milli li tigdmu! Bil-ligi li għaddiet dwar ugwaljanza fil-parlament bejn membri nisa u irgiel, il-Partit Nazzjonalista ser jispiċċa li ser ikollu numru ta’ nisa fil-parlament li xorta waħda ser ikunu favur l-abort, allavolja ma jkunux ġew eletti mill-votanti Nazzjonalisti.

Min ser iżżommhom milli jagħmlu l-istess u jressqu private members bill fil-parlament biex tgħaddi l-liġi favur l-abort? Ma hemmx għalfejn Bernard Grech jew il-Partit Nazzjonalista jkunu fil-gvern biex iseħħ dan kollu. Dan jista’ jsir ukoll minn membru parlamentari fl-oppożizzjoni.

U l-istorja terġa’ tirripeti ruħha. Niftakru sew kemm Dr Bernard Grech, għalkemm dak iż-żmien kien barra mill-politika, kien iservi bħala avukat tal-familja u anki joffri s-servizzi tiegħu lill-kurja fil-korsijiet ta’Kana, kemm kien immilita fuq ix-xandir kontra id-divorzju.

Kienu kollha għal xejn l-isforzi tiegħu, għax ir-referendum fuq id-divorzju xorta intrebaħ. Possibli, Dr Bernard Grech dan kollu nsieh? Ma naħsibx. Mela għalhekk nerġa’ ntenni kif bdejt, Dr Bernard Grech qarrieqi jew injorant?

Sliem.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *