Il-Kummissarju tal-Istandards Hyzler għandu jirreżenja wara li emmen lin-nutar Ian Castaldi Paris

Il-bieraħ, il-Malta Today tatna storja fejn fiha Ian Castaldi Paris ried jixtri d-dar li kien xtara Yorgen Fenech ġewwa l-Imdina. Skont dak li ġie ppubblikat mill-Malta Today, Castaldi Paris ried jixtriha għall-prezz ta’ 4 miljuni, jiġifieri aktar milli fil-fatt ħallas Yorgen Fenech. Fenech ħallas 3.1 miljuni imma dan il-bejgħ waqa’ minħabba li Fenech kien ġie arrestat fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dak li tagħtina ġdid il-Malta Today hija li meta Castaldi Paris sar jaf li Yorgen Fenech xtara din id-dar, Castaldi Paris ċempel lil Ray Fenech u qallu li Yorgen Fenech daħal fuqu. Yorgen Fenech kien lest li jċedi dak il-bejgħ lil Castaldi Paris. Fit-text messages, meta tkellmu fuq il-bejgħ ta’ din id-dar, Yorgen Fenech jitkellem li Charles it-Tikka hu s-sensar. L-MP Rosianne Cutajar, li dak iż-żmien ma kienetx segretarju parlamentari, l-anqas biss ssemmiet.

Infakkar li din l-istorja kienet suġġett ta’ storja fis-Sunday Times ta’ Ivan Martin, persuna li jien infurmat kien jaf tajjeb din l-istess dar fil-passat, anki jekk ma kellu xejn x’jaqsam ma’ dan il-bejgħ. Biss issa jidher ċar li din l-istorja ġiet mgħoddija lil Ivan Martin mill-istess Castaldi Paris. Infakkar, li Rosianne Cutajar hija fuq l-istess distrett elettorali Castaldi Paris. Dan kien punt li ktibt dwaru fil-passat.

Kulħadd jaf li ideoloġikament, jien u Rosianne Cutajar ma naqblux. Biss mhux sew li persuna tiġi mġegħla tirriżenja minn segretarju parlamentari fuq storja fażulla. X’ser jagħmlu ta’ Repubblika issa wara li kienu parti minn din il-fake news, tant li marru jiġru jipprotestaw quddiem il-ministeru tagħha? Infakkar li dawk iż-żewġ deputati Laburisti li qed ikunu attakkati minn Repubblika, jiġifieri Rosianne Cutajar u Edward Zammit Lewis, it-tnejn joħorġu fuq id-distrett fejn ħiereġ Ian Castaldi Paris.

Fuq kollox, aspett li ma ħariġx fl-artiklu tal-Malta Today huwa l-fatt li n-nutar li għamel dan l-affidavit dwar il-bejgħ ta’ din il-projeta’ kellu konflitt ta’ interess. Ian Castaldi Paris ammetta li ilu jaf lil Joe Camilleri u Joe Camilleri ġieli kellmu fuq negozju. Fuq kollox, jidher li Ian Castaldi Paris saħansitra għamel negozju ma’ Joe Camilleri. Jidher li l-uffiċju li jissemma’ bħala wieħed mill-assi li għandu Ian Castaldi Paris xtrah mingħand Joe Camilleri.

Fuq kollox, infakkar li f’dan l-affidavit li sar quddiem Ian Castaldi Paris tniżżel ċar u tond li Charlie it-Tikka kien ma’ Rosianne Cutajar bħala sensar. Issa ħiereġ li Rosianne Cutajar ma kienetx l-anqas parti mis-senserija anki jekk ma kien hemm xejn ħażin li kieku kienet. Il-ħażin kien biss fil-fatt li kieku ħaditha (u issa qed jirriżulta li ma ħadet xejn). Il-ħażin kien ikun kieku ma ddikkjaratx il-flus għal fini tat-taxxa. Dak li hu żgur li Charles it-Tikka kien il-persuna li ddikkjara dawn il-flus minħabba it-taxxa.

Din l-istorja tqiegħed f’dawl ikrah lill-kummissarju tal-istandards George Hyzler. Infakkar li anki f’dan l-artiklu tal-Malta Today, ħareġ li Ian Castaldi Paris kien ħafna evażiv fil-mod kif wieġeb meta deher quddiem Hyzler. Fuq kollox qatt ma’ ammetta jew ċaħad li hu għamel l-affidavit. U Hyzler ma ippressahx. Kellu jammetti li kien ambigwu. Biss xorta ddeċida kontra Rosianne Cutajar. Issa, la ż-żejt tiela’ f’wiċċ l-ilma, il-Kummissarju tal-Istandards irid jerfa’ r-risponsabilita’ ta’ egħmilu.

Imbagħad hemm ir-raġel tal-imħallfa, Pierre Lofaro. Għal xi raġuni jew oħra, il-ġurnalista wara din l-istorja ma tkellem xejn dwaru. Huwa veru li Joe Camilleri kellem lil Pierre Lofaro dwar dan l-affidavit u meta sar jaf, Pierre Lofaro qallu ġej issa jkellmu? Vera li Pierre Lofaro qal lil Joe Camilleri li kien qed jinkrimina ruħu b’dak l-affidavit? Kienet din ir-raġuni għala Joe Camilleri qal li qatta’ dak l-affidavit?

Jien ma għandix dubju li Joe Camilleri qal is-sewwa u verament qatta’ l-affidavit li għamel għand in-nutar Ian Castaldi Paris. B’hekk kien baqa’ affidavit wieħed biss. Dak li kien għand in-nutar u dan l-affidavit spiċċa għand Ivan Martin. Wieħed ma jridx ikun ġenju biex jinduna mnejn ġie dan l-affidavit għand The Times! Din kienet logħba kerha politika biex segretarju parlamentari tkun mġegħla tirreżenja. Għalija dan hu frame-up ieħor.

Fuq kollox, din l-istorja turi li hija gidba dak li jingħad li l-Partit Laburista huwa wieħed magħqud. F’dan il-każ, ma tantx hemm għaqda fil-Partit Laburista! Kumbinazzjoni li l-attakki saru fuq żewġ deputati li t-tnejn ser joħorġu fuq l-istess distrett ta’ Ian Castaldi Paris. Fejnha l-għaqda u s-solidarjeta’ fil-Partit Laburista? Issa wieħed jifhem għala Yorgen Fenech qatt ma ttella’ jixhed quddiem Dr. Hyzler. Dan hu l-mod kif isiru l-inkjesti jew jaħdem l-uffiċju li suppost jara li kollox jimxi b’etika? Kieku din l-istorja ġrat f’pajjiż verament demokratiku, Hyzler ġa ġie mitlub biex jirreżenja.

One comment

Leave a Reply