“Self-praise is no recommendation”
Blog post minn osservatur politiku
Bil-fors li l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jħarsu lejn il-poplu Malti u Għawdxi bħala nies b’memorja qasira, li ma jafux x’qed isir f’pajjiżhom jew li qed jisimgħu dak li jkun għaddej f’pajjiżhom għall-ewwel darba.
F’kull konferenza li tixxandar, f’kull diskors politiku li jsir, f’kull risposta li qed tingħata, b’xi mod jew ieħor irid jidħol il-kap tal-partit jew il-Kap tal-Oppożizzjoni, Dr Bernard Grech. Possibbli dawn jaħsbuh daqshekk ċuċ lill-poplu? Possibbli kull darba li ssir referenza għall-Kap tal-Oppożizzjoni jew il-kap tal-partit bil-fors iridu jfakkruna min hu? Kemm taħsbu li l-poplu għandu moħħu qasir? Taħsbu li s’issa ma jafx il-poplu Malti u Għawdxi li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa l-istess bniedem u huwa Dr Bernard Grech?
Possibbli hemm għalfejn tirrepetuh il-ħin kollu u kull darba li jkun hemm referenza għall-kap tal-partit jew tal-Oppożizzjoni. Ma taħsbux li qed iddejqu lil kulħadd u qed tħarsu u tistmaw lil poplu bħala ebete. Hemm għalfejn tirrepetu u terġgħu tirrepetu dan l-imbierek isem, li issa ħiereġ minn widnejn kulħadd.
F’konferenza stampa partikulari ta’ matul din il-ġimgħa, esponent tal-partit waqt li kien qed jirrispondi domanda waħda, semma Dr Bernard Grech erba’ darbiet. Issa oħorġu għidu li m’inthomx qed tistmaw lill-poplu bħala injurant. Kemm se ndumu ngħidu li l-kap ta’ partit ma jistax jiġi konsidrat qisu kollox hu. Biżżejjed hemm Dr Bernard Grech innifsu jitkellem fuq il-‘jiena’ kontinwament.
Lanqas li qed jagħmel kollox hu. Issa saħansitra anke voice over qara hu. Fejn se tirredikulawh iżjed lill-kap tal-Partit. Jew l-ego tiegħu tant hi kbir li qed jesiġi li ismu jrid jissemma kontinwament u f’kull okkażżjoni. Huwa ħażin li jkollok bniedem li qed imexxi jagħti l-impressoni li jista’ jsir kollox minnu. Hu ħażin li tingħata l-impressjoni li kieku ma hemmx Bernard Grech ma jsir xejn. Hu ħażin li jitwassal messaġġ li Dr Grech huwa l-Partit Nazzjonalista u ħadd iżjed ħlief hu.
Hemm bżonn li kemm Dr Grech u kemm ta’ madwaru jifhmu li aktar ma jsemmuh, aktar ħsara qed issir u aktar jiżdiedu dawk li ma jkunux jifilħu jisimgħuh. Malta u Għawdex kollha jafu min hu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Għidilhom jieqfu jużaw ismek meta jtuk it-titlu ta’ kap. Ifhem li kap hija kelma qawwija biżżejjed biex kulħadd jasal għall-konklużjoni li qed jirreferu għalih. Issa jekk hu jrid mod ieħor, jiġifieri li jieħu pjaċir joqgħod jisma’ ismu jiżżeffen il-ħin kollu, dik ħaġa oħra biss qiegħed jagħmel ħsara lilu innifsu. Kif jgħidu bl-Ingliż, self-praise is no recommendation.
