Manuel Delia nesa meta kien ma’ George Fenech ta’ Tumas Group minħabba l-Arriva

Matul din il-Ġimgħa kellna kampanja sħiħa u orkestrata kontra l-imħallef Giovanni Griscti, dan kollu għaliex kien qed jippresedi fuq it-talba mill-avukati ta’ Yorgen Fenech biex Yorgen Fenech jingħata l-ħelsien mill-arrest. Peress li l-imħallef dam ma ħareġ bis-sentenza, Jason Azzopardi, il-familja Caruana Galizia u anki Manuel Delia u sħabhom ħasbu li dan kien ser jagħtih il-bail. B’hekk Matthew Caruana Galizia ħareġ bi storja fuq l-imħallef Griscti. Din kienet dwar ix-xiri ta’ Cabin Cruiser mill-imħallef Griscti mingħand missier Yorgen Fenech, jiġifieri George Fenech fl-2008.

F’din il-kampanja daħlu fiha anki David Casa u Simon Busuttil. Kollha jgħidu li l-imħallef Griscti kellu konflitt ta’ interess, waqt li semmgħulu stejjer oħra.

Biss ħadd ma qal li dan l-imħallef ħa xi rigal. Naħseb li persuna, imħallef u mhix għandu dritt jixtri dak li jrid mingħand min irid. Fuq kollox, Giovanni Grixti l-anqas kien għadu mħallef dak iż-żmien. La ħallas għal dak li xtara ma hemm l-ebda obbligu. Il-flus għalhekk ġew ikkreati biex jitneħħa kull obbligu li wieħed jista’ jkollu lejn persuna li mingħandha jkun akkwista xi oġġett.

Biss tafu x’insew dawn is-sinjuri, jiġifieri Manuel Delia u Jason Azzopardi? Li f’dak l-istess żmien li kienet qed issir din it-tranzazzjoni bejn Giovanni Griscti u George Fenech, Jason Azzopardi, u Manuel Delia kienu parti mill-Gvern Nazzjonalista. L-ewwel wieħed, jiġifieri Jason Azzopardi kien membru tal-kabinett ta’ Lawrence Gonzi u l-ieħor kien il-persuna li spiċċa jaħdem fil-Ministeru ta’ Austin Gatt.

U tiftakruha l-istorja tal-Arriva? Tiftakru li dan il-kuntratt kien intrebaħ minn konsorzju li fil-bidu tiegħu kien hemm anki George Fenech, missier Yorgen Fenech u t-Tumas group.  

Dan ir-rebħ minn dan il-konsorzju kien approvat mill-kabinett li Jason Azzopardi kien parti minnu. Hemm ma kienx hemm problemi u konflitti ta’ interess. U tafu lil min qiegħed il-Gvern Nazzjonalista biex jieħu ħsieb dan il-konsorzju min-naħa tiegħu?Bħala persuna in charge mill-Arriva għan-naħa tal-Gvern kien ġie appuntat ħadd ħlief Manuel Delia. Il-Gvern afda dan il-proġett lil din il-persuna u dan il-proġett spiċċa waħda mill-kawżi tat-telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-2013.

Sakemm kien għad hemm George Fenech f’dan il-proġett, il-proġett tal-Arriva kien mixi ħarir. George Fenech kien daħal f’wieħed mill-ikbar proġetti tat-trasport fl-istorja ta’ Malta. Infakkar li kien il-Gvern Nazzjonalista li fih kien hemm Jason Azzopardi u Manwel Delia li għażel lil George Fenech u lit-Tumas Group biex jmexxu dan il-proġett tal-Arriva. Jekk il-pajjiż kien qed jafda lil dan il-bniedem bi proġett daqshekk kbir u jinvolvi miljuni kbar x’għamel ħażin l-imħallef Griscti li xtara dgħajsa mingħand din l-istess persuna?

Mhux talli hekk, talli fiż-żmien l-Arriva, kull min kien jikkritika dan il-proġett immexxi minn George Fenech ta’ Tumas u Manuel Delia għan-naħa tal-Gvern, kien jispiċċa mbiċċer minn Daphne Caruana Galizia fil-blog tagħha. Dak iż-żmien ta’ Tumas għal Manuel Delia kienu qaddisin. Ma għandix dubju li fil-kariga li kellu Manuel Delia kien jittratta ta’ kuljum ma’ George Fenech fuq dan il-proġett. Ġara iżda, li għal xi raġuni li għadha mhix spjegata, George Fenech ħareġ minn dan il-proġett qabel 2013. Ir-riżultat kien hemm biex jarah kulħadd. Minn proġett tal-għola kwalita’ spiċċa vroma Nazzjonali. Dan li għandu jgħid jew jiżvela Manuel Delia huwa għala George Fenech iddeċida li joħroġ minn dan il-proġett? Forsi Manuel Delia jikteb blog u jilluminana fuq din  l-istorja.

Fuq kollox, jista’ Jason Azzopardi jgħidlna x’rigali oħra ħa mingħand ta’ Tumas barra iż-żjara sal-Hilton ġewwa Tel Aviv mal-ħabiba tiegħu?

Imbagħad il-media u l-ġurnalisti li qed imexxu l-aġenda maħmuġa tal-familja Caruana Galizia jiskandalizzaw ruħhom għax persuna li llum huwa mħallef xtara cabin cruiser qadima fl-2008 u fuq kollox ħallas għaliha l-prezz tas-suq!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *