Ir-rapport Moody’s – “negative outlook”
Moody’s ħadu żewġ deċiżjonijiet fuq Malta,
a) ħallew lil Malta fil-kategorija A2
b) il-prospetti għall-pajjiżna niżlu minn stabbli għal negattivi.
Meta tisma’ dawn l-affarijet u wara tara kif l-awtoritajiet Maltin jirrispondu għal dan kollu, trid bilfors tistaqsi ċertu mistoqsijiet.
Meta l-Gvern Laburista li qiegħed fit-tmun tal-pajjiż ħareġ l-istqarrija tiegħu injora għal kollox il-bidla minn stabbli għal negattiv u ffoka biss li Moody’s żammew lil Malta fuq l-istess kategorija ta’ A2. Il-moħħ jitħarbat f’affarijiet bħal dawn. Moody’s qalulna li meta bidlu l-prospetti għall-pajjiżna, ħadu konsiderazzjoni ta’ 3 affarijet prinċipali:
- iż-żieda allarmanti tad-dejn tal-pajjiż li qed jikkonsidrawh u jistennew li jkun agħar minn pajjiżi oħra li qiegħdin A2 bħalna, kif ukoll ir-riskji li qed jidhru għall-proposti fiskali minħabba n-nuqqas ta’ ċertezza marbutin ma’ rkupru fiskali ġenerali;
2. Ir-riskji marbuta mal-irkupru mill-pandemia b’referenza speċjali lejn is-settur turistiku;
3. L-inklużżjoni ta’ Malta bħala pajjiż fil-lista l-griża mill-FATF, speċjalment lejn in-nuqqas ta’ superviżżjoni li kellu pajjiżna fejn jidħol il-ħasil tal-flus u r-riskji li qed jipprospettaw fl-ekonomija u fil-banek.
Definittivament li dħalna fil-lista l-griża ħolqot lil Malta diffikultajiet kbar, li se jibqgħu jidhru għal bejn 12 u 18-il xhar u forsi anke aktar. Moody’s ikkonsidraw li d-deċiżżjoni tal-FATF se jkollha effett fuq aktar stħarriġ għall-kumpaniji u banek Maltin speċjalment fejn jidħlu tranżazzjonijiet bid-dollaru Amerikan. Il-Gvern Malti bagħat il-pjan t’azzjoni tiegħu lill-FATF u qed jippjana li jkun fi stat li joħroġ minn din il-lista l-griża sal-aħħar tal-2022.
Moody’s qed tistenna li Malta tibni sistemi li juru b’mod effikaċi l-prattiċita tal-liġijiet diversi li pajjiżna qed jara jinbidlu b’ritmu mgħaġġel. Moody’s jaqblu mal-FATF li hemm bżonn li pajjiżna qed jaffettwa tibdil fil-prattiċita u mhux biss legali. Il-biża ta’ Moody’s hija li Malta ma tkunx effettiva biżżejjed fit-tibdil neċessarju sa’ 18-il xhar oħra. Moody’s jivvalutaw id-dewmien ta’ Malta fuq il-lista l-griża bħala xi ħaġa li se jkollha effett ħażin fuq l-ekonomija u s-sistema bankarja tagħna minħabba problemi li jistgħu jiffaċċjaw kumpaniji Maltin u l-partners barranin tagħhom.
Il-biża tibqa’ li ċertu kumpaniji jistgħu jċaqalqu l-business tagħhom għall-pajjiżi oħra. Kull ċittadin jaf li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna matul l-aħħar sena għamlu riformi kbar biex itaffu n-nuqqasijiet f’setturi bħal ma huma l-kontrol tal-korruzzjoni, is-saltna tad-dritt u s-superviżżjoni fuq il-ħasil tal-flus. Moody’s qed jibżgħu li Malta ma jirnexxielix toħroġ mil-lista l-griża sa l-aħħar tat-2022 u dan jista’ jkollu effett ħażin ħafna fuq l-istituzzjonijiet u l-governanża tajba.
Meta taqra dawn l-affarijiet u tifhem il-messaġġi ta’ Moody’s, ikun diffiċli taċċetta kif l-awtoritajiet Maltin ma jagħmlux lanqas referenza lejn dawn id-diffikultajiet kollha mperrċa minn Moody’s. Huwa allarmanti tara l-awtoritajiet tagħna jinjoraw dawn il-messaġġi kollha u jiffukaw fuq li Malta żammet postha fl-A2.
Kif jistgħu l-awtoritajiet Maltin jikkunslaw li d-dejn żdied minħabba s-sussidji mogħtija mill-Gvern bħala riżultat tal-Covid-19. L-awtoritajiet qed jgħidu li għalkemm jafu li t-turiżmu se jagħti lil pajjiżna daqqa ta’ ħarta tajba, huma xorta qed jaħsbu li l-ekonomija qed tirkupra diġa u jikkonslaw ukoll li dawn l-istituzzjonijiet internazzjonali qed jirrikonoxxu li Malta għamlet ħafna riformi u kellha ħafna progress biex tissaħħaħ is-sistema ta’ superviżżjoni f’Malta.
Moody’s bagħtu messaġġ li Malta żammet il-kategorija A2 għax jafu li f’din l-aħħar sena saru ħafna sforzi mill-Gvern Malti biex jitjieb n-nuqqas ta’ ħafna istituzzjonijiet lokali. Din id-darba Malta żammet l-A2. Imma jekk l-awtoritajiet tagħna jkunu pożittivi ż-żejjed jista’ jkun li ma nimxux b’dak il-pass mistenni minna biex nagħmlu t-tibdil mitlub mill-FATF. Il-messaġġ indirett li qed tgħaddi Moody’s huwa biex pajjiżna jaqbad ritmu tajjeb u jwettaq it-tibdiliet neċessarji fl-iqsar żmien possibbli, imma fil-limitu taż-żmien li qed jiġi miftieħem mal-awtoritajiet internazzjonali.