Il-problema tad-dawl f’pajjiżna

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ministru Miriam Dalli tammetti li fl-2021 is-sitwazzjoni tal-qtugħ ta’ dawl ma hiex aċċettabbli. Kemm naqbel miegħek Ministru. Kemm qed inbatu wara li ġejna mitlubin noħorġu ammonti essaġerati ta’ flus biex suppost ikollna sistema tal-elettriku li tixraq f’suppost pajjiż modern. Imma le għadna nsofru dan il-qtugħ ta’ dawl meta suppost fdajna lilek, u lill-Ministri ta’ qablek, biex ingawdu l-frisk fi żmien sjuf sħan ħafna.

Aħna m’aħniex se nirranġaw is-sitwazzjoni tagħna fid-djar, għax int titlob spjegazzjoni dwar dan il-qtugħ ma’ Malta u Għawdex kollu. Meta tfaċċajtu fix-xena bi proġett fl-2013 li bellajtuna sistema u għidtulna li se jkun is-salvazzjoni ta’ pajjiżna fl-enerġija, li se jinqata’ darba għal dejjem it-taqtigħ il-qalb dwar il-provista tad-dawl, li se nieqfu ninkwitaw dwar hux se insibu provista ta’ dawl fi djarna, tajnikom l-appoġġ tagħna. Daħħalna idejna fil-but u ħallejnikom tkomplu għaddejjin b’dan il-proġett kbir.

Imma mhux biex niġu snin wara u għadna nbatu bl-istess problemi ta’ qabel ma għamiltu dan il-proġett. Il-flus infaqtuhom. Użajtu flusna kif ridtu intom. Għad irridu naraw kif ġew minfuqa. Għad irridu naraw kienx hemm serq fis-sistema li użajtu. Għad irridu naraw jekk kienx hemm xi ħadd li sar sinjur minn fuq darna. Xamma ta’ taħwid għandna, imma s’issa għadu ma kjarifika ruħu xejn. Aħna se nibqgħu nitolbu rendikont ta’ għemilkom. Irridu nkunu nafu fejn spiċċaw flusna. Irridu nkunu nafu kif wara li nvestejtu f’dak kollu li ridtu intom u ħadd ma indaħħlilkom, aħna l-poplu, għadna insofru minn dan in-nuqqas ta’ enerġija.

Il-poplu Malti ftit li xejn jinteressana fl-iskużi kollha li qed toffru. Ftit li xejn jinteressani jekk hiex provista jew distribuzzjoni tal-enerġija li hemm imnellħa. Ftit li xejn jinteressana li hemm il-ħsara taħt l-art, fil-wiċċ jew f’qiegħ il-baħar. Ftit li xejn jinteressana fejn qiegħed l-inkwit u li ma nvestejtux biżżejjed. L-unika ħaġa li jinteressana hija li meta nagħfas is-switch jixegħel id-dawl, li meta nagħfas ir-remote jaħdem l-air conditioning u li meta nasal id-dar inkun nista’ noqgħod komdu. Dan qed nitolbuh għax xbajna nħallsu minn imneħierna.

Ministru nirringrazzjak talli tħoss għalina, nirringrazzjak li tgħid li mhux sewwa, imma il-poplu azzjoni tanġibbli jrid u xejn iżjed, li biha tant inkunu trankwilli li lanqas jgħaddilna minn ebda kurutur ta’ moħħna li jista jinqata d-dawl u b’hekk anke l-ilma. Lanqas jinteressana jekk jiġux turisti jew le. Dak xogħolkom. Intom tridu taraw. Jekk se jiġu t-turisti u nkunu agħar, aħjar ma jiġux.

Irridu nsiru egoisti għax hekk qed jagħmluna l-politiċi. Irridu naħsbu fina nfusna la ħaddieħor qed jabbandunana. L-Enemalta u l-enġiniera li għandha magħha aħna napprezzaw xogħolhom. Imma ma nistgħux naċċettaw in-nuqqas ta’ pjanar biex sena wara sena nilqgħu għal talba ikbar fl-enerġija. Din is-sena ma għandniex ħafna turisti. X’kien jiġri kieku ġew? Konna nagħmlu sajf sħiħ bla dawl għax id-domanda kienet tkun ikbar.

Aħna n-nies komuni ma jinteressana assolutament xejn kemm qed nipproduċu, kemm hu l-persentaġġ aktar ta’ rikjesta għall-enerġija. Din kollha informazzjoni li ma għandniex x’nambuha. Kull ma rridu noqgħodu komdi d-dar.

F’dan il-kuntest, diskors politiku dwar kemm sar investiment mhux se jimpressjonana lill-ħadd. Kull ma nafu hu li aħna ma għadnilkomx tonfqu ammont ta’ flus biss. Bil-vot tiegħu, il-poplu ta liberta kważi assoluta lill-Gvern biex fis-servizz tagħkom lejna taqduna sewwa u bla kondizzjoni. Imma mid-dehra ma ħsibtux biżżejjed jew ma investejtux tajjeb u biżżejjed.

B’hekk dak li hemm bżonn huwa, kif jgħidu l-Ingliżi ‘cut the crap and fix the problem’. Fil-qasam tal-energija hemm bżonn inqas paroli u iktar azzjoni.

One thought on “Il-problema tad-dawl f’pajjiżna

  1. Tridhu tifmhu li il cables ta toroq qatt ma kienu qed issiru ghal dan il lussu u il kumdida kollha jigifieri toqoghdux tighdu ma naccetax jew tort ta dak u liehor .

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *