Rosianne Cutajar u r-Rapport Hyzler
Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma u qabel mar-rapport ta’ George Hyzler dwar Rosianne Cutajar. Din id-deputat instabet li kissret l-etika parlamentari fil-każ tas- senserija fuq binja ġewwa l-Imdina. Dr Robert Abela għamilha ċara li kkomunika ma’ Rosianne Cutajar fejn qalilha li r-riżenja tagħha minn Segretarja Parlamentari se tibqa’ fis-seħħ b’mod permanenti. Din tfisser li Rosianne Cutajar mhux se terġa’ tieħu postha fil-kabinet tal-Prim Ministru Robert Abela.
Mhux ser nikkummenta hawn fuq ir-rapport Hyzler anki jekk inħoss li dan hu aktar proċess politiku mill-etiku. Biss bħal ma jiġri dejjem fi proċess politiku, l-istqarrija tmur dritt għall-punt neċessarju u ma toqgħodx iddur mal-lewża ħalli wieħed jinsa l-legalizmi marbut ma’ dak li suppost sar. F’għajnejn in-nies tidher lid-dixxiplina twettqet. L-iżball ġie kkoreġgut. Għall-inqas hemm konferma mill-Prim Ministru li Rosianne Cutajar żballjat.
Anki jekk George Hyzler qatt ma talab lil Yorgen Fenech biex jagħti il-verżjoni tiegħu tal-fatti – waqt li dan l-individwu l-ħin kollu jissemma’ – il-ġustizzja politika issa tidher li saret mill-mexxej tal-partit tagħha stess.
X’se tagħmel Rosianne Cutajar minn hawn ‘l quddiem hija totalment affari tagħha. Ikun inutli li noqogħdu nispekulaw jekk għandhiex tagħti l-flus lura, jekk għandiex żżommhom postha fil-parlament, jekk serqitx, jekk ħaditx dak li ħaqqha u ħafna affarijiet oħra. Issa min irid flusu lura sta għalih li jidħol il-qorti għal deċizzjoni finali. Mil-lat politiku, l-istorja hija magħluqa.
Biss fil-5 ta’ Lulju kellna stqarrija fuq Facebook minn Bernard Grech. Fiha, Grech appella lill-Prim MInistru biex jitlob lil Rosianne Cutajar biex tirreżenja minn deputat parlamentari fl-isfond tar-rapport dwarha minn George Hyzler. Jekk le, ikeċċiha mill-grupp parlamentari.
Imma kif jista xi ħadd jesiġi li għandha tirrinunzja għas-siġġu tagħha fil-Parlament meta dak mhux tagħha, imma tal-kostitwenti li eleġġewha? Kif jista’ Bernard Grech jagħmel dan it-tip ta’ appell? Kif jista’ Bernard Grech jitlob fatt bħal dan meta hu l-anqas ġie elett fil-Parlament? Ma stenniex Bernard Grech, li jekk jitlob xi ħaġa bħal din kienet ser tattakkah, kif fil-fatt għamel Rosianne Cutajar fuq il-Facebook page tagħha?
Dan il-każ fakkarni f’Simon Busuttil meta staqsa lil Giovanna Debono biex tirreżenja mill-Parlament wara li rrinunzjat mill-whip tal-Partit Nazzjonalista. Is-Sinjura Debono żammet sod u qaltu le lil Simon Busuttil. Illum kemm żewġha kif ukoll hi ħarġu liberati għalkemm mid-dehra hemm xi appell. Imma kieku telqet is-siġġu tagħha kienet tkun qisha qed tammetti dnubietha meta taf li ma kienetx ħatja, la hi u lanqas żewġha. Kieku għal Simon Busuttil ried li jissogra li b’mossa bħal dik, li titlaq mill-Parlament ukoll, kienet titfa’ fuqha nfisha dell ikrah ħafna.
Mela Bernard Grech ieqaf itlob ċuċati. Fuq kollox, jekk tirreżenja mill-Parlament ma jfissirx li awtomatikament kienet ser titkeċċa mill-grupp parlamentari? Din ġiet misjuba li kissret l-etika parlamentari minn George Hyzelr fi proċess politiku. Hija ma ġietx misjuba ħatja minn ebda qorti serja. Bħala avukat missek indunajt sur Grech li Hyzler kellu żewġ verzjonijiet kontra xulxin u kollha taħt ġurament. Biss hu ddeċida favur waħda u kontra l-oħra. Naħseb li Bernard Grech jaf li fi proċess kriminali, id-dubju jmur favur l-akkużat. F’dan il-każ ta’ Rosianne Cutajar, id-dubju mar kontra tagħha. Dan jiġri fi proċess politiku mhux fi proċess kriminali ħlief fi qrati tar-repubblika tal-banana.
Kont nistennik titkellem aktar fuq dawn il-punti. Mela x’awtorita’ għandek int Dr Grech, li terġa’ ssejjaħ lill-Prim Ministru, Robert Abela, li għandu jitlob lil Rosianne Cutajar tirreżenja mill-Parlament? Ma jafx li l-Prim Ministru ma għandu l-ebda awtorita’ li ġieli lill-ħadd jirreżenzja mill-Parlament daqs kemm Bernard Grech għandu xi awtorita’ li jġiegħel lil xi membru Nazzjonalista biex jirreżenja mill-Parlament!
L-awtorita’ tal-Prim Ministru tasal biss sal-ministri. Hu qal li mhux ser jagħmilha parti mill-kabinett tiegħu. Fuq kollox, x’interess nazzjonali fiha din ir-riżenja? X’differenza se tagħmel lil Dr. Grech li ma tibqax fil-grupp parlamentari Laburista jew le? Jaqaw id-deputat laburista li qiegħed indipendenti, xi darba, tefa’xi vot kontra l-Gvern? Jekk trid mur għid lin-nies tad-distrett ta’ Rosianne Cutajar biex jiġbru l-firem ħalli jagħmlu pressure fuqha biex tirreżenja.
Imbagħad, inkomplu ndaħħqu bl-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista. Jekk Dr Abela jħalli hemm lil Rosianne Cutajar allura ikun qed jikkonferma li huwa kontinwita’ ta’ Joseph Muscat u li se jkompli jagħmel il-ħsara lil pajjiżna. Imma dawn bis-serjeta’? B’hekk irridu nattakkaw lill-partit fil-Gvern u nerbħu l-voti tal-Laburisti? Minflok tirkeb fuq konflitt intern li nfetaħ fil-Partit Laburista, terġa’ tagħmel gaffe oħra politika!
Din l-affari mhux ser tkun qed tagħmel ħsara lil pajjiżna. Din kull ma kissret l-etika parlamentari u ġiet ikkundannata minn proċess politiku. S’issa ma hemm xejn kriminali fil-każ tagħha. Jekk il-Partit Nazzjonalista jrid jibda’ jittieħed bi ftit serjeta’, hemm bżonn li l-ewwel jisserja hu. Ma jistax ikun li dan il-partit jibqa’ jagħmel gaffe politiku, ġimgħa wara ġimgħa.
