X’inhuma l-implikazzjoni tal-President tal-FATF, Marcus Pleyer, fuq Malta
Inutli noqogħdu nfittxu u nispekulaw dwar ir-raġunijiet li minħabba fihom spiċċajna fuq il-lista l-griża. Issa għandna d-dettalji kollha mill-President tal-FATF Marcus Pleyer li għamel konferenza stampa u b’mod skjett u ċar qalilna fejn Malta naqset bil-kbir.
Biss qabel nitkellem dwar dak li qal Marcus Pleyer, nixtieq nispjega x’inhi din il-lista. Din hija lista li fiha jitqegħdu pajjiżi li jitqiesu li qed jabbużaw, jew jagħmlu dnubiet fil-qasam finazzjarju. L-eżempju li ngib huwa wieħed reliħjuż. Hemm il-ġenna, il-purgatorju u l-infern. Il-ġenna qiesha l-lista l-bajda fejn konna fiha. Din hija l-lista tat-tajbin u l-puri. Imbagħad hemm il-lista l-griża li hija qisha l-purgatorju u l-lista s-sewda li hija l-infern fejn imorru l-ħżiena nett. Bħal issa ntbagħatna b’kastigg il-purgatorju tad-dnubiniet li għamilna f’dan il-qasam.
Issa ejja mmorru għall-konferenza li ta’ Marcus Pleyer. Tajjeb li nirrimarkaw mill-ewwel, li d-deċizzjoni aħħarija tal-FATF waslet għalija, wara li fl-2019 għamlet żjara uffiċjali f’pajjiżna li kienet ikkonsidrata dettaljata ħafna. Il-President faħħar lil Malta fejn kien jistħoqqilha imma ma qadtx lura li jindika preċiżament fejn żgarrajna bil-kbir. Billi kulħadd jibqa’ jipponta subgħajh lejn dak u lejn l-ieħor ma aħna se naslu mkien.
Pleyer għamilha ċara li jekk irridu ninqalgħu mill-lista l-griża, Malta trid taħdem u taħdem ħafna. Se jkolli naqbel mal-Ministru Clyde Caruana li tibdil tas-sitwazzjoni sa Ottubru, kif hawn min qed idaħħal fl-imħuħ, bħala strateġija politika, hija żbaljata u ma tidhirx li tista’ titwettaq, lanqas jekk pajjiżna jipprova jagħmel il-mirakli. Din mhux kwistjoni biss li jinbidlu l-liġijet, imma aktar importanti li jidhru li huma effettivi. L-effettivita’ ta’ xi ħaġa bħal din mhux se tara f’perjodu qasir, imma trid ċertu perjodu ta’ żmien biex turi li verament qed titħaddem u tkun effettiva.
Pleyer ta importanza kbira lill-effettivita’ tat-tibdil li jrid isir. Mela għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu, ejja ma nippruvawx niskurjaw punti politiċi minn fuq din is-sitwazzjoni, billi noqgħodu nitimgħu lill-poplu li nistgħu nagħmluha sa Ottubru, bl-iskop uniku biex imbagħad tarma tgħajjar lill-Gvern li ma wasalx. Biex terbaħ il-punti politiċi trid tkun matur fl-azzjonijiet tiegħek u mhux tilgħab logħba għall-voti.
Grey listing mhux ċajta. Din hi sitwazzjoni li trid tittieħed f’serjeta kbira u b’maturita’ politika serja. Jekk hawn min se jitħajjar jilgħab għall-gallarija jkun aħjar għalih jekk iwarrab u jħalli jaħdem lil min verament iħobb lil pajjiżu. Issa kulħadd jaf ir-raġunijiet għaliex weħilna minn dan l-eżami. Inutli nitkellmu fuq affarijiet oħra, għalkemm irridu noqogħdu attenti ħafna li ma nniżlux il-gwardji tagħna fuq dawk l-affarijiet li Malta ħadmet fuqhom u rnexxielha tikkonvinċi li wasalna.
Nafu sew li mossa jew azzjoni waħda tista’ tniżżlek f’baħar imqalleb għal darba oħra. Mela pajjiżna ma għandux għażla, irid jaħdem fuq is-suġġetti li rridu nersqu għall-eżami reparatorju fuqhom, imma ma jistax inaqqas l-attenzjoni tiegħu fuq is-suġġetti li jrnexxielna ngħaddu minnhom. Pleyer tana tama qawwija meta qal li hu kuntent bl-impenn tal-Gvern biex jaħdem u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-FATF.
Nerġa’ ngħid li din m’hix logħba politika u għalhekk ma jingħatux dati sa meta dan l-impenn irid jintlaħaq. Huwa kkonferma li dak huwa kredenzjali. Kieku dawk id-dati joħorġu fil-pubbliku jkun hemm attakk sfrenat min minn ikun jaqbillu biex itellef dak l-impenn. Pleyer indika ċar li l-impenn tal-gvern irid ikun ġej minn min għandu għal qalbu pajjiżu. Fil-fatt huwa semma li jaf u qara l-kritika u l-insinwazzjonijiet li saru u għalhekk evita kemm felaħ biex ma jagħti ebda kumment fuq is-suġġett politiku, għakemm il-ġurnalisti li saqsew fuq Malta pruvaw.
Il-messaġġ li għadda Pleyer kien fuq nota pożittiva. Malta nstabet nieqsa minn preparamenti tekniċi u allura ma humiex effettivi. Huwa awgura li l-awtoritajiet Maltin jaħdmu biex itejbu dawn is-sistemi. Dan se jirriżulta f’ġid kbir lill-pajjiż, kif appena jinbiddlu u jitjiebu l-affarijiet. Fuq hekk biss kull min hu Malti, kull min iħobb lil Malta, kull min irid jara li ma nitilfux aktar ir-reputazzjoni tajba li kellha Malta, kull min b’xi mod jew ieħor jista’ jressaq suġġerimenti li jistgħu jtejbu, huwa obbligat li jingħaqad mal-awtoritajiet li ser ikunu qed jaħdmu biex dan kollu jitwettaq. Malta dejjem qamet għall-okkazzjoni.
Nisperaw u nittamaw li dan l-inkwiet u din l-isfida ndawruha f’opportunita’ biex innaddfu darba għal dejjem, dawk l-istituzzjonijiet li ma qdewx dmirhom sew, inpoġġu f’posthom is-sistemi biex tidher verament li t-tmexxija hija trasparenti u anke għandna possibilita’ li naħdmu iżjed b’integrita’ billi npoġġu nies fil-postijiet kritiċi u delikati, nies mhux skond il-kulur politiku tagħhom imma nies skond il-kapaċita’ tagħhom. Malta pajjiż żgħir u huwa traġiku li nies kapaċissimi jitwarrbu għax ma jħadnux politika tal-gvern tal-ġurnata. Din għandha tieqaf issa ma’ din l-opportunita’ u ngħaqqdu ħafna iżjed l-imħuħ tajbin. Nafu biżżejjed li minħabba ċ-ċokon tagħna diġa għandna limitazzjoni aħseb u ara jekk inkomplu naqsmuhom skond il-kulur politiku tagħhom.
