It-Te Deum ta’ Fr. David Muscat
Meta Fr. David Muscat kiteb fuq Facebook li ħa jkanta Te Deum għaliex Malta kienet ġiet Grey-listed ma nafx x’ma ntqalx fuq il-Facebook pages.
Dak li nista’ ngħid li Fr. David għandu raġun. It-Te Deum hu mitqies bħala kant ta’ tifħir lil Alla. Biss kull kant hu għanja ta’ tifħir u t-tifħir lil Alla jsir anki waqt in-niket.
Il-problema hija li kulħadd illum jitkellem mingħajr ma jaqra x’hemm miktub. Din tfakkarni fil-kontroversja li qamet wara li għidt li l-espressjoni ‘Ħaqq Alla’ mhux dagħwa.
Jekk wieħed jaf ftit Latin, wieħed jinduna, li l-ewwel strofi verament jitkellmu dwar dak li kull nisrani għandu jagħmel f’sitwazzjoni bħal din. Għal kull nisrani, Alla jiġi l-ewwel u qabel kollox.
U x’jgħid dan l-innu? Bil-Latin, dan l-innu jibda hekk: Te Deum laudamus, Te Dominum confitemur: Bil-Malti din tinqaleb hekk Lilek Mulej aħna infaħħru, Lilek Mulej aħna nistqarru. Mhux dak li kull nisrani jrid u għandu jagħmel speċjalment meta ninsabu f’sitwazzjoni bħal din? Infakkar li meta inti tistqarr persuna jkun ifisser li tkun qed tintelaq f’idejh.
Din is-sitwazzjoni mhux aħna ġibnieha b’idejna? Naħseb li kieku żammejna lil Alla quddiemna, ma konniex niġu fl-istat li ġejja fih! Infakkar li Fr. David kien ilu jikteb fuq l-abbużi li kienu qed isiru fis-servizzi finanzjarji f’pajjiżna u ma kienx attakkat biss mill-Laburisti minħabba dak li kien qed jikteb fuq dan is-settur, iżda kien l-aktar li qed ikun attakkat minn Nazzjonalisti.
B’hekk ġralna bħal dak it-tifel li lagħab bin-nar u nħaraq u ommu qaltlu sewwa ġralek. Qaltlu hekk għax tħobbu!