Jason Azzopardi nesa l-azzjonijiet irrazzjonali tiegħu!

Dan li qed intella’ f’dan l-artiklu huwa dak li kiteb Jason Azzopardi bħala post fuq il-facebook page tiegħu.

“Min daħħalna fil-grey list, maż-Żimbabwe, Panama u Cayman Islands, ma jistax joħroġna minnha. Gvern immexxi mill-PN biss jista’ joħroġna minnha u jerġa’ jġib Malta rispettata. Ingħaqdu mal-PN intom ilkoll ta’ rieda tajba biex f’task force nazzjonali kif sejjaħ Bernard Grech, l-istess bħal meta konna ser insiru membri tal-UE u tal-Euro, innisslu t-tama u tirbaħ Malta”.

Skond dan l-avukat, hu wasal għall-konklużjoni li jaf min daħħalna f’din il-greylist. Tiddejjaq xejn Jason għidilna min hu. Nistgħu anke aħna naslu għal min trid tirreferi, imma la qed titfa’ dell fuq xi ħadd int, inħallu lilek tagħmilha ċara u tniżżel l-isem għal min qed tirreferi. Dan l-istess persuna li għandu f’moħħu Dr Azzopardi ma jistax joħroġna minn din il-lista.

Biss Jason Azzopardi tana soluzzjoni. Qed jgħidilna li l-uniku soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni hija li l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern. Irid ikun il-Gvern Nazzjonalista biex jerġa’ jakkwista r-rispett li jixirqilha Malta. Jista’ jkun li veru. Imma Dr Azzopardi qed jippretendi li jkun parti minn dal-gvern ġdid nazzjonalista li jreġġa’ lura r-reputazzjoni tajba lil pajjiżna? Dan bis-serjeta?

Jiftakar li dan kien parti mill-Gvern ta’ Gonzi li tela’ mqanżaħ fl-2008 u wara qala’ l-ewwel damdima esaġerata li qatt rajna f’pajjiżna? Dan jaf li kemm ilu deputat il-Partit Nazzjonalista għadu ma waqafx jieħu tkaxkira waħda wara l-oħra? X’reputazzjoni tah dan l-avukat lill-Partit Nazzjonalista? Toqgħodx issemmili dak li għamilt Jason.

X’tippretendi li tkun Segretarju Parlamentari u wara Ministru u ma tagħmel xejn tajjeb tul is-snin li kont fis-siġġu tal-poter? Qed taħseb li xi ħadd se jibqa’ jiftakar dak li wettaqt? Kollha kemm aħna nippretendu minn kull politiku fil-poter, li jaqdi dmiru tajjeb u jaħdem għall-ġid tal-poplu kollu. Biss tinsiex Jason li int kellek l-azzjonijiet dubbjużi tiegħek ukoll u jekk tistaqsi lill-Maltin u l-Għawdxin, iċ-ċans kbir ikun li kif jissemma ismek, jiftakru fil-Fekruna, fil-Lowenbrau u f’San Ġiljan.

Jiena nemmen li diffiċli ssib politiku li jgħolli jdejh u ma toħroġ xi ftit riħa. Imma l-aktar waħda li qed togħġobni hi li l-Partit Nazzjonalista, u qed jikkonfermaha Jason Azzopardi, se jgħaqqad hu task force u jistieden lill-Gvern biex ir-rappreżentanti tal-Gvern jingħaqdu miegħu. Jiddispjaċini imma hawn naħseb li l-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ ħa falza stikka. Li kieku t-talba saret lill-Gvern biex jipponta task force hu u l-Oppożizzjoni tkun lesta li tgħin kemm tiflaħ, kont nifhimha. Imma għalija l-mod kif poġġa d-diskors Dr Grech huwa messaġġ ta’ arroganza. Issa ejjew miegħi għax jien is-salvatur. Dr Grech qed isejjaħ lill-esperti fil-qasam biex jipparteċipaw f’din fit-task force u lill-Gvern miegħu.

Biss kemm verament Jason Azzopardi jista’ jkun ta’ għajnuna f’dan kollu? Nesa dan l-avukat kemm għajjar lil Joe Giglio u mexxa l-kelma man-Nazzjonalisti li Giglio mhux ta’ min jafdah għaliex kien (ma nafx jekk għadux) l-avukat tal-Pilatus Bank? Azzopardi kien imexxi dan il-kliem fost in-Nazzjonalisti biex jagħmel ħsara lil Dr. Joe Giglio. Ma jaħsibx li dak id-diskors irrazzjonali kollu li sar kontra l-Pilatus Bank etċ kellu xi ftit ta’ effett ħażin u llum qed inbatu l-konsegwenzi tiegħu? Infakkar lil Jason Azzopardi li l-Pilatus Bank qed jingħata bħala waħda mir-raġunijiet talli Malta ġiet grey listed.

Illum nista’ ngħid li l-pajjiż qed isoffri minn deċiżjonijiet ħżiena ħafna li ħa l-Gvern ta’ Joseph Muscat. Imma qed isoffri wkoll minn azzjonijiet u propaganda qarriera, magħmula min-nies bħal Azzopardi, biex ikissru oħrajn, inkluż membri tal-istess partit tiegħu!

One comment

Leave a Reply