Il-bieraħ Azzopardi għamel diskors kontra l-korruzzjoni fil-Parlament u lil Keith Schembri ma semmiehx!

Il-bieraħ, l-Erbgħa 23 ta’ Ġunju qagħad nara l-Parlament u assistejt għal diskors ta’ tnax-il minuta fl-aġġornament minn Dr Jason Azzopardi. Kien ilni ma nara diskors ta’ rabja, ta’ ġestikular tal-idejn u ta’ ippuntar ta’ swaba lejn id-deputati tal-faċċata, jiġifieri d-deputati tal-Gvern. Kellu jitkellem fuq xi ħaġa totalment differenti, imma qal li ma jistax ma jitkellimx fuq id-deċiżjoni tal-FATF li kienet għadha friska, ta’ ftit siegħat qabel.

Skond l-avviż imxerred mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li żamm lil kulħadd milli jikkummenta, Jason Azzopardi seta’ jagħmilha, għax l-ordni kienet li l-ewwel jitkellem il-Kap u dan kien għamel diġa’ d-dikjarazzjoni tiegħu. Ma ninsewx li dan id-diskors għamlu fil-Parlament, allura mogħni bil-privileġġ parlamentari, xi ħaġa li Jason Azzopardi hu rinomat li jagħmel.

Se nelenka ftit kwotazzjonijiet mid-diskors tiegħu.

“…li għax dawk tal-faċċata jipproteġu il-kriminali, ttradew l-interess nazzjonali”

“…il-ħaddiem iż-żgħir ħa jbati, l-penzjonant ħa jbati”

“…dan beda meta Joseph Muscat għamel clean sweep tal-public officials leali, integri u serji fl-amministrazzjoni pubblika”

“…biex jiddefendu lil Konrad Mizzi” “…biex jiddefendu lil Yorgen Fenech”

“…biex jipproteġu lil Paul Apap Bologna, araw x’għamel fil-Public Accounts Committee”

“…biex jipproteġu lil Maksar”

“…biex iddefendejtu lill-korrott kriminal Chris Cardona”

“…kuntenti bil-Pilatus Bank?”

“… kemm għajjartu lil David Casa u lil Roberta Metsola, kemm għajjartu lili”

“…gidba ta’ sena u nofs bil-kompliċita ta’ Owen Bonnici”

“…qaltilkom Daphne, imma qtiltuha”

“…minħabba dal-qabda korrotti (waqt li jipponta subgħajh lejn is-siġġijiet tad-deputati tal-Gvern) li qed imexxu dal-pajjiż għażlu jiddefendu lill-kriminal, lill-korrott minflok l-interess nazjonali tagħna lkoll”.

Ma tistax ma tgħidx li ma darx ma’ kulħadd. Għamel ħiltu li jsemmihom kollha. Lil kulħadd daħħal fl-istorja. Lejn kulħadd ipponta subgħajh. Imma oħroġ il-għaġeb ma semmiex persuna waħda! Erġgħu ħarsu lejn il-lista u araw tiftakrux f’xi ħadd li mhux imniżżel għalkemm imressaq il-qorti wkoll. Ma semmiex lil Keith Schembri. Imma għaliex ma semmiehx?

Għażiz Jason Azzopardi, kif jista’ jkun ma ftakartx f’Keith? Kif jista’ jkun ma semmejtx lil persuna li jekk niftakar tajjeb kellek ukoll l-okkażżjoni tinterrogah meta kien fuq il-pedana quddiemek jew tistaqsi dwaru f’okkazzjonijiet oħra fil-qorti u bqajt b’ħalqek magħluq? Dan mhux lapsus. Dan kien intenzjonat. Dan kien magħmul bi skop. L-iskop minhiex se nispekula fuqu, imma se nħalli lil kull min qed jaqra’ jasal għall-konklużżjoni tiegħu. Issa jekk ma tridx lil kulħadd jispekula, napprezza jekk tgħidilna int għalfejn ma semmejtux lil Keith Schembri?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *