Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-bieraħ, David Thake bagħat messaġġ ta’ sfiduċja fil-kandidat Nazzjonalista Dorian Sciberras

Blog post minn osservatur politiku

Il-Ħamis 3 ta’ Ġunju segwejna konferenza stampa minn David Thake u Dorian Sciberras li tkellmu dwar in-nuqqas tal-Public Broadcasting Services li jsemmu fl-aħbarijet tagħhom l-indirizz li għamel Dr Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni, li kellu bħala suġġett lil Ministru Carmelo Abela.

David Thake u Dorian Sciberras kritikaw lil Public Broadcasting Services talli qed jiċċensuraw lil Dr Bernard Grech. David Thake qalilna li l-Partit Nazzjonalista reġa’ għal darba oħra bagħat protesta lil-PBS għal dan in-nuqqas. Thake qal li din iċ-ċensura qed tiġi wżata b’mod frekwenti u qed tasal għal proporzjonijiet perikulużi. David Thake fakkarna wkoll li l-Public Broadcasting Services huwa servizz nazzjonali u tal-istat. Huwa kompla li dak kollu li jsir fuq dan l-istazzjoni huwa mħallas minnha kollha, mingħajr eċċezzjoni, għaliex il-PBS jgħix u jaħdem minn flus il-poplu.

David Thake enfasizza dan il-punt ta’ finanzjament għax saħaq li huwa l-poplu li jħallas għal dan is-servizz. Nixtieq nistaqsi lil David Thake għaliex, la kien fiż-żifna u kien qed jitkellem fuq il-finanzi tal-PBS, ma kkummenta xejn dwar l-ispejjeż eżorbitanti li ntefqu mill-istess PBS li hu kien qed jikkritika, fuq il-Eurovision u anke fuq imħatri waqt il-perjodu tal-Eurovision? Ma jidhirlux li dak l-infiq li sar kien jixraqlu kritika mil-Partit Nazzjonalista? Ma jidhirlux li anke dawk huma flejjes li ħarġu mill-bwiet tal-poplu? Jew kien imdaħħal xi ħadd sagru għall-Partit tiegħu u jaqbel li ma nmissux parentela ta’ l-ex Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami?

Fakkarna wkoll, David Thake, li l-pożizzjoni ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hija meqjuża u marbuta mal-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Jiġifieri qalilna David Thake li din il-pożizzjoni għandha tiġi rispettata mill-PBS u għandu jiġi rrapurtat fuq ix-xandir pubbliku meta l-kap tal-Oppożizzjoni jitkellem.

Nixtieq nistaqsih lil David Thake, kif ħassu meta mar għand il-President ta’ Malta jitlob it-tneħħija tal-Kap tal-Oppożizzjoni? Ma jidhirlux li dak in-nhar kien hu li żżufjetta bil-pożizzjoni kostituzzjonali tal-kap tal-Oppożizzjoni? Illum hija importanti din il-pożizzjoni? Meta mar għand il-President ta’ Malta ma kienetx importanti?

Thake kompla jgħidilna li l-PBS għandha tieħu b’responsabilita l-interess nazzjonali li għandu jiġi qabel kull interess tal-Prim Ministru, tal-Ministru Carmelo Abela u tal-Partit Laburista. Huwa kompla jgħid li l-PBS biex altaparsi toħloq bilanċ, qed ixxandar siltiet mid-diskorsi jew tweġibiet ta’ mistoqsijiet, li jkollhom il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kważi kull nhar ta’ Ħadd.

David Thake kompla li l-PBS ma għandiex tkun xandir tal-weekend imma għandha tara li toħloq bilanċ kuljum u ma għandiex tħalli l-Kap tal-Oppożizzjoni jissemma fil-weekend biss. Dan id-deputat kompla jistaqsi jekk il-PBS hix se terfa’ r-responsabilita’ tan-nuqqasijiet tagħha? Thake semma każ fejn l-Awtorita tax-Xandir ħarġet stqarrija u l-PBS, għalkemm irċieva l-ordni biex ixandar l-istqarrija minn għand l-Awtorita’ tax-Xandir, xorta baqa’ ma xandarhiex. Dan l-argument ġabu biex isaħħaħ l-argument tiegħu li l-PBS jagħmel li jrid u ma jagħtix każ lanqas tal-Awtorita’ tax-Xandir.

Biss David Thake wera l-arroganza tiegħu, in-nuqqas tiegħu anke fuq livell edukattiv, bagħat messaġġ ta’ turija ta’ sfiduċja kbira fil-kandidati ġodda tal-Partit Nazzjonalista, meta rrisponda mistoqsija ndirizzata speċifikament lil-kandidat b’ismu, bil-qiegħda ħdejh fl-istess konferenza.

Il-ġurnalista tal-ONE News indirizza l-ewwel mistoqsija tiegħu lis-Sur Sciberras u kompla b’mistoqsija oħra. David Thake beda jwieġeb it-tieni mistoqsija u flok dar fuq Mr Sciberras biex jitolbu jirrispondi l-mistoqsija ndirizzata lilu, qabad u rrisponda l-ewwel waħda hu wkoll. Nuqqas ta’ fiduċja kbira.

Biss ammirajt lil Mr Dorian Sciberras għax kif spiċċa jitkellem David Thake qabad u rrispondi hu wkoll il-mistoqsija li kienet indirizzata lilu. Dak il-ħin qisni smajt xi ħadd jgħid lil David Thake – ħudha ġo fik, mela tipprova tgħallaqli ħalqi, xorta għidt li kelli ngħid.

Leave a Reply