Għaliex hija nkwetanti l-affirmazzjoni ta’ Yorgen Fenech li s-supretendent Arnaud gideb fuqu

Matul din il-ġimgħa, għall-ewwel darba instema leħen Yorgen Fenech fl-awla!  Min jaf lil Yorgen Fenech, qalli li huwa, fin-natural tiegħu, bniedem kwiet. Bil-fors li veru tellagħhomlu s-Supretendent Arnaud biex isostni li dan qed jigdeb fuqu. Din akkuża serja ħafna. Biss l-anqas Kristu quddiem il-gideb ma’ baqa’ kwiet!

Dan li ħareġ fil-qorti nhar it-2 ta’ Ġunju, waqt is-smigħ tal-kawża kostituzzjonli li Yorgen Fenech qed jagħmel biex is-Supretendent Arnaud ma jibqax fit-tim investigatttiv hu interessanti ħafna.

L-ewwel ħaġa li laqtitni huwa l-mod korrett li qed imexxi din il-kawża l-imħallef Wenzu Mintoff. Għal kuntrarju ta’ kawżi oħra li jinvolvu lil Yorgen Fenech, ma għamilx din il-kawża fil-magħluq jew impona xi restrizzjonijiet. Id-difiża talbet biex ix-xhieda tinstema’ fil-magħluq. Dan għamlitu b’sens ta’ dover peress li l-mistoqsijiet li kienet ser tistaqsi lis-supretendent Arnaud kienu instemgħu fil-magħluq. Biss l-imħallef Wenzu Mintoff ma qabilx u ma ddejjaqx jgħidilhom GHALFEJN DAN IL-ĦABI KOLLU BEHIND CLOSED DOORS? U għandu raġun l-imħallef Mintoff.

Kien waqt dan is-smigħ, meta l-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu qed jistaqsu lis-Supretendent Arnaud li tkellem Yorgen Fenech. Arnaud beda jara minn xi noti li kellu  u qal li Yorgen Fenech kien qallu li “Għandi fiduċja fikom!” Dan wassal għar-reazzjoni spontanja ta’ Yorgen Fenech li waqt li xejjer subgħajh lejh qallu “Mhu veru xejn! Qed tigdeb!”

Nerġa ngħid li din hija akkuża serja ħafna. Dan jikkonferma dak li għidt jien li Yorgen Fenech qed jiġi framed mill-pulizija. Il-pulizija għandha storja kerha ta’ frame-ups. Jien stess kont vittma fil-qorti ta’ gideb tal-pulizija. U aktar ma jilħqu aktar ikunu kapaċi jigdbu!

Skont is-supretendent Arnaud ma sarux recordings ta’ dan l-interrogazzjoni għaliex l-avukati ta’ Yorgen Fenech oġġezzjonaw. Ir-raġuni li ma ntweriex il-bżonn li dawn d-diskussjonijiet jkunu irrecordjati kienet ġejja mill-fatt li dawn id-diskussjonijiet kienu qed isiru bla ebda preġudizzju. Dan hu terminu legali li jfisser li dak li jingħad matul diskussjoni bla preġudizzju ma jistax jintuża’  bħala xhieda. Tant hu hekk li din hija xhieda li ma tinqarax lill-akkużat u l-anqas l-akkużat jintalab li jiffirmaha. B’hekk in-noti li ħa Arnaud qatt ma wriehom lill-akkużat. Biss Arnaud xorta ħassu fid-dmir li juża dawn in-noti fil-qorti. Mela għala qed jirreferi għalihom Arnaud?

Minn dan toħroġ tagħlima importanti. Anki meta jkun hemm diskussjonijiet mal-pulizija ‘bla preġudizzju’, hu fl-interess ta’ min qed ikun interrogat li jżomm ir-recordings għaddejjin. Infakkar li jekk il-pulizija ħadet noti – kontra stqarrija bi preġudizzju – ma għandhiex għalfejn turiha lill-akkużat. Mela fil-qorti tiġi l-kelma tiegħek kontra dik tal-pulizija, u mill-esperjenza passata tiegħi, ċertu gideb tal-pulizija jinżel għasel għal xi uħud.

Fuq kollox, mix-xhieda ta’ Arnaud ħareġ li l-familja Caruana Galizia kienu qed jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom. Imma kif tista’ l-pulizija toqgħod fuq dawn l-investigazzjonijiet? U jekk il-familja, għas-saħħa tal-argument, hija nvoluta, kemm ser tkun kredibbli l-pulizija li qagħdet biss fuq dak li għadditilha l-familja?

Qed ngħid dan għaliex il-familja qatt ma tat wieħed mill-computers ta’ Daphne Caruana Galizia lill-pulizija u l-pulizija tidher li hija kuntenta b’dan il-fatt! Infatti, f’dan is-smigħ ħareġ fatt li ma konniex nafu. Arnaud qal li peress li wieħed mill-laptops ma ntgħatax lill-pulizija huwa pprova jġib l-informazzjoni mingħand il-familja. Imma din vera jew ċajta tal-1 ta’ April? Kif il-pulizija tista’ toqgħod fuq informazzjoni li tagħtiha l-familja minn dan il-laptop, meta l-istess familja ma ridtx tagħtiha l-laptop innifsu? Mhux ser nerġa nidħol f’dawk li jissejħu conspiracy theories, biss jekk ser ikun hemm xi omiċidju ta’ persuna, il-pulizija ser taċċetta li l-membri tal-familja ma jagħtuhiex il-laptop tal-vittma u toqgħod biss fuq dak li jgħaddulha l-istess membri tal-familja? Kif qatt il-pulizija tista tittieħed bis-serjeta’ meta fl-investigazzjonijiet tagħha, issa ħareġ ċar li qed tkun selettiva – jiġifieri tagħżel hi x’tinvestiga u x’ma tinvestigax?

Biss din l-istorja ma tieqafx hawn. Biss wieħed irid jgħid kollox u juri n-naħa l-oħra tal-munita. Il-familja Caruana Galizia għaddiet xi stejjer lill-pulizija, u fil-kontro-eżami, Arnaud ammetta li l-pulizija lanqas biss investigahom! 

Dawn l-anqas kienu l-uniċi sorpriżi. MInn dan il-kontro-eżami, insiru nafu li mhux biss il-‘mobile’ ta’ Keith Schembri ma nġabarx mill-pulizija, iżda l-anqas saret tfittxija fl-uffiċju tiegħu anki jekk hu kien qed jissemma’ bħala suspettat. Skont dak li ġie ppubblikat fil-ġurnali, dan, il-pulizija ma għamlitux għaliex Melvin Theuma ma setax jaħlef li Keith Schembri hu nvolut. U jekk Melvin Theuma qed jigdeb x’ser tagħmel il-pulizija issa? Dan ġa nqabad iħawwad fix-xhieda tiegħu fil-qorti!

Fuq kollox, ġie innutat li qabel waħda mis-seduti li kellu jixhed fiha Melvin Theuma, kien qed jitkellem mal-avukata tiegħu. Hija din l-imġieba aċċettabbli għall-pulizija li avukati jkellmu x-xhieda qabel jidħlu fl-awla? Suppost dan jgħid il-verita’ kollha u ma għandu jkollu xejn x’jinkriminah għaliex tawh maħfra fuq kollox! Possibli l-parte ċivili ma hix kapaċi tara u tistaqsi dwar dan kollu?

Prosit Sur Imħallef Mintoff. Urejt lill-poplu Malti kif għandhom jimxu l-affarijiet fil-qrati tagħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *