Hermann Schiavone u Kristy Debono, ma kienux tajbin ma’ Adrian Delia, imma tajbin ma’ Bernard Grech!

Blog post minn osservatur politiku

Nixtieq nirringrazzja lil Dr Simon Mercieca għall-artiklu li tella’ fejn tana informazzjoni dettaljata fuq dak li hu għaddej fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Fi żmien Dr Adrian Delia din l-informazzjoni kienet tgħaddi diretta, aktar minn darba matul kull laqgħa, lil xi ġurnalist ta’ wħud mill-gazzetti jew portals Maltin.

Fil-kitba tiegħek għidtilna li Dr Bernard Grech ċert li se jerbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja u allura jkun Prim Ministru. Mela għandu raġun dak li kiteb l-artiklu rigward it-ritratt essaġerat li twaħħal mal-faċċata tad-Dar Ċentrali. B’dak li għidt int Dr Mercieca li dan il-Kap għandu din iċ-ċertezza, allura tikkonferma li dan ir-raġel veru qed jistenna li jiġi stmat ta’ idolu.

Nixtieq niġbidlu l-attenzjoni lil Dr Grech, li l-unika ħaġa ċerta fid-dinja hija l-mewt. Dikjarazzjoni bħal din hija turija ta’ nuqqas ta’ maturita’ politika kbira, għax dan ir-raġel irid jiftakar li s-surveys, dak li hu jsejħilhom ritratt ta’ dik il-ġimgħa li fiha jsiru, qatt ma għadhom poġġewh f’xi pożizzjoni tajba imma pjuttost li għadu l-bogħod. Forsi tajjeb ukoll li jistaqsi lil dawk li qed jagħmlu f’ismu xi telefonati mid-Dar Ċentrali stess, biex jaraw l-andament tal-Partit tiegħu bħalissa, speċjalment f’Għawdex.

Qal li għandu żewġ deputati li qed jaħdmu kontra tiegħu. Veru raġel iffortunat dan il-Kap. Ta’ qablu, Dr Adrian Delia, kellu klikka sħiħa taħdem kontrih. Jekk ma tistax terbaħ għax għandek tnejn kontra tiegħek, mela min huma dawn li se itellfuk daqshekk voti li ma jħallukx terbaħ l-elezzjoni? Ma għandek il-ħadd madwarek li jista’ jiftaħar li jġib eluf kbar ta’ voti, bħal ma kien iġib per eżempju Eddie Fenech Adami, biex jaqleb il-miżien għal kollox.

Dr Mercieca, inti semmejt id-deputati li għandu madwaru. Fosthom semmejt lil Hermann Schiavone u lil Kristy Debono. Ippermettili mmur lura qabel l-elezzjoni tal-Kap fl-2017 wara dik it-tkaxkira enormi li qala’ Dr Simon Busuttil. Dawn iż-żewġ deputati msemmija kienu tnejn mill-aktar voċiferi favur Dr Adrian Delia. Mela dawn mhux biss kienu miegħu għax kellhom fiduċja fih, imma kienu dawk li nimmaġina kienu wkoll jgħaddulu xi parir lil Dr Delia. Matul it-tliet snin ta’ Dr Adrian Delia bħala Kap, kellu fuqu kull tip ta’ attakki. Niftakar tajjeb lil Ivan Bartolo (ta’ San Gwann) u lil Mark Anthony Sammut (tal-Gudja) jgħidu, meta ressqu vot ta’ sfiduċja fil-Kap tagħhom Dr Adrian Delia, li huma ma kienu kuntenti xejn bin-nies li kellu madwaru Dr Adrian Delia. Apparti dawn kellna ħafna iktar deputati u politiċi oħrajn li kienu jattakkawhom lilhom u oħrajn li kienu viċin Dr Delia. Kienu jgħidu li jekk jeħles minnhom Dr Adrian Delia seta’ jkompli jmexxi. Issa qiegħdin l-aktar jew kważi l-uniċi deputati viċini ta’ Dr Bernard Grech. Jekk kemm Hermann Schiavone kif ukoll Kristy Debono, ma kienux tajbin u aċċettati meta kienu madwar Adrian Delia, kif saru tajbin u aċċettati issa li qiegħdin l-iktar deputati viċin ta’ Bernard Grech?

Leave a Reply