Beppe Fenech Adami akkużat li qed jipperikola l-proċess ta’ Yorgen Fenech: fejn spiċċa s-sens ta’ ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista?

Blog post minn osservatur politiku

Beppe Fenech Adami bħala President (Chairman) tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi ma’ jista’ qatt jasal għall-konkluzzjoni u jiddikjara x’kienet ir-raġuni li minħabba fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia. Bħala President ta’ dan il-Kumitat huwa fl-obligu tiegħu li jistaqsi, jindaga u jipprova joħroġ kull raġuni possibbli li tressaq jew tikxef aktar verita’ fuq ir-rapport taħt investigazzjoni tal-Kumitat tal-Kontijet Pubbliċi. Imma qatt ma jista’ jikkonkludi r-raġuni qabel l-anqas spiċċa jagħmel l-investigazzjonijet tiegħu.

Fil-każ li għandu quddiemu dan il-Kumitat bħalissa huwa r-rapport li ħareġ l-Awditur Ġenerali ta’ pajjiżna dwar xi nuqqasijiet li seta’ kellu dan il-kuntratt li sar mal-Electrogas. Biss f’dan ir-rapport ma joħroġ imkien li hemm xi referenza għal xi komplot jew ħlas lil xi ħadd biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Imma d-deputati Nazzjonalisti donnhom għandhom aġenda partikulari f’dak li qed jagħmlu bħalissa. Suġġeriment għal min irid jara battibekki bejn xhieda u membri tal-kumitat, membri tal-kumitat ma’ avukati difensuri għax-xhieda mressqa quddiem il-Kumitat u membri tal-kumitat bejniethom għax ġejjin miż-żewġ naħat tal-kamra tal-Parlament, ngħidlkom biex taraw il-laqgħat ta’ dan il-Kumitat mill-bidu ta’ Marzu sal-lum, u wkoll dawk il-laqgħat li għad iridu jiġu għax il-lista tax-xhieda mid-dehra hija twila.

 Fil-fatt tant qed isiru dikjarazzjonijiet li allegatament jistgħu jkunu preġudikati li persuna li qiegħda l-ħabs mixlija u mhux akkużata, sa issa, resqet applikazzjoni quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, li b’dak li ġie ddikjarat mill-President ta’ dan il-Kumitat, Dr Beppe Fenech Adami, kiser id-drittijiet fundamentali tal-akkużat u għamillu ħsara irreparabbli, dejjem skond l-avukati difensuri tiegħu. It-Times of Malta ssemmi kwotazzjonijet differenti li għamel l-avukat Beppe Fenech Adami waqt li kien qed jiġi mistoqsi wieħed mix-xhieda: “Had the Electrogas project not happened, Daphne Caruana Galizia would not have been killed”.

Din id-dikjarazzjoni qawwija saret waqt li l-Kumitat kellu quddiemu lix-xhud Paul Apap Bologna. Fenech Adami qed jgħid, li kieku dan il-proġett ma sarx, Daphne ma nqatlitx. Mela skond Dr Fenech Adami il-mewt ta’ Daphne huwa riżultat dirett ta’ dan il-proġett u xejn iżjed. Dikjarazzjoni oħra li qed tirreferi għaliha it-Times of Malta hija li “Yes, Daphne Caruana Galizia was murdered because of corruption in the Electrogas deal”. Dikjarazzjoni qawwija oħra li skond it-Times of Malta ġiet ripetuta kemm ‘l darba, fejn Beppe Fenech Adami jidher li qed jgħid b’konvinzjoni li Daphne nqatlet bħala riżultat tal-korruzzjoni li fih il-proġett tal-Electrogas. L-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu, fl-applikazzjoni tagħhom lill-Maġistrat Montebello, li Dr Fenech Adami ma lissinx suspett dwar ir-raġuni tal-qtil ta’ Daphne, imma esprima ruħu b’ċertezza “absolute certainty”. L-avukati komplew jgħidu li “Public officials must choose their words carefully when they speak about pending criminal proceedings”. L-avukati qed jgħidu li uffiċjali pubbliċi, b’referenza għal Beppe Fenech Adami, għandhom jużaw kliemhom b’attenzjoni meta jitkellmu fuq proċeduri kriminali.

Ta’ min ifakkar li dan il-Kumitat kien qed jixxandar live fuq ic-channel tal-Parlament. Din kienet raġuni oħra li semmew l-avukati difensuri fl-applikazzjoni tagħhom, fejn qalu li l-pubbliku ġenerali li jista’ jara u jisma’, jista’ jkun preġudikat, minħabba dawn id-dikjarazzjonijet. Numru ta’ persuni ‘l quddiem iridu jifformaw parti mill-ġurija f’dan il-każ, meta jasal f’dak l-istadju. Dawn huma affarijiet serjissimi. Imma l-aktar ħaġa nkwetanti li qed tiżboq kull ħsieb ieħor li qed joħroġ b’mod ċar huwa li, f’dawn il-laqgħat ta’ dan il-Kumitat tal-Kamra tal-Parlament, tinħass l-għaġla, anzi l-urġenza, tad-deputati min-naħa tal-Partit Nazzjonalista li jippuntaw subgħajhom lejn Yorgen Fenech u jiddikjarawh bħala l-mastermind wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huma ma għandhomx dubju dwar dan. Kull ma jmur, dawn l-istejjer qegħdin jikkomplikaw aktar is-soluzzjoni ta’ dan id-delitt. Min jaf għalfejn?

One thought on “Beppe Fenech Adami akkużat li qed jipperikola l-proċess ta’ Yorgen Fenech: fejn spiċċa s-sens ta’ ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista?

Leave a Reply

Your email address will not be published.