Jekk Daniel Cordina jgħolli idejh, toħroġ riħa ta’ dranaġġ
Dr Mercieca nirringrazzjak talli ppublikajt l-artiklu li bagħtlek taħt it-titlu: ‘Anki fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Partit Nazzjonalista jrid joħloq ċittadini tal-ewwel u tat-tielet grad’. Jien nikteb dak li nħoss li jkun qed jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Iva għidt u nerġa’ ngħid li dak li sar nhar is-Sibt fid-Dar Ċentrali ma kien xejn ħlief attentat fjakk fir-relazzjoni pubblika. Nerġa’ nirrepeti li min ħareġ b’din l-idea ma għandu ebda ħjiel ta’ kif taħdem l-istrateġija politika.
Imma apparti dan kollu. Wieħed Għawdxi, Daniel Cordina, kkumenta fuq dan l-artiklu u kiteb dan li ġej.

La l-artiklu ma ktibtux int Dr Mercieca, imma kitbu osservatur politiku, li nżertajt jien, nħoss li lis-Sur Cordina għandi nirrispondih jien. Mela ħalli ngħidlek mill-ewwel Sur Cordina. Jiena diġa għaddejt dak li ktibt jien lil ħabib tiegħi avukat. Dan staqsejtu biex jikkonsidra hemmx xi ħaġa li mhix opinjoni fl-artiklu li ktibt jien u jekk hemmx xi ħaġa libelluża fil-kumment tiegħi. Fl-opinjoni tiegħi, naħseb li inti qed taqbeż il-limitu tal-liġi fil-konfront ta’ Dr. Mercieca.
Mela ħalli nħares issa ftit lejn il-kummenti u l-mistoqsijiet li għamel Daniel Cordina, ix-xufier ta’ Dr Chris Said. Jiena nazzjonalist li għal grazzja ta’ Alla, la qatt ma ħadt xejn mingħand il-Partit Nazzjonalista u lanqas għandi għalfejn nistenna biex nieħu. Jiena nerġa’ ngħid li jien Nazzjonalist, imma lill-Partit Nazzjonalista jien ma għandiex x’nambih. L-aġenda tiegħi hija waħda, ir-rispett lejn it-tesserati, lejn il-voluntiera kollha fi ħdan il-Partit tal-lum u tal-bieraħ, lejn kull min għandu xi pożizzjoni f’xi wieħed mil-ħafna sezzjonijiet u fergħat u l-aktar importanti lejn il-poplu ġenerali.
Nirrepeti li jien, u lest nieħu ġurament anke għal Dr Simon Merċieca li flus ma jidħlu mingħand ħadd. Jekk xi ħadd jersaq fuqi, anke Dr Mercieca stess, joffrili l-flus jien nieqaf mill-kitba tiegħi fuq dan is-sit. U biex inkun għidt kollox jien lest li nieħu ġuramenet fuq it-tajjeb ta’ Dr Mercieca u fuq dak ħafna inqas tajjeb tas-Sur Cordina.
Jgħidilna u jagħmel riferenza preċiża, dan il-bozza tal-għerf, Daniel Cordina, fejn hemm xi ħaġa li mhix vera f’dan l-artiklu partikulari. Jekk ma jaqbilx mal-opinjoni għax Mr Cordina għandu ħafna x’jitlef, dik tiġi storja oħra. Imma nuqqas ta’ qbil mhux gideb, Sur Cordina. Il-ħsara lill-Partit Nazzjonalista mhux Dr Mercieca qed jagħmilha imma nies bħalek li għandkom għamad ma għajnejkom u taraw biss sa mnieħirkom. Mela għax tikkritika lill-Partit Nazzjonalista tkun qed tagħmillu l-ħsara. Tkun qed tgħinu jirrifletti fuq dak li qed jagħmel.
Issa jekk l-intelliġenza tiegħek twasslek sa hemm Sur Cordina, jien ma għandiex tort. Jien żgur mhux se npaxxi bniedem bħalek u nikxef ismi. Sur Cordina lili int tafni u tafni tajjeb, bħalma jien naf lilek u nafek tajjeb. Jiġifieri aħjar taqta’ biċċa minn ilsienek u tara kif tista’ tgħin lill-Partit Nazzjonalista b’mod ġenwin u mhux biex kif jasal iż-żmien tkun tista’ takkwista xi ħaġa.
L-aħħar sentenza tiegħek fiha ħafna x’tikkummenta fuqha. Jekk jien ngħolli idejja nxomm riħa ta’ għaraq li joħroġ minħabba xogħol li nwettaq għall-Partit Nazzjonalista u xogħol ġenwin ieħor. Ara inti joħroġlok ir-riħa ta’ għaraq ta’ kull darba li taqsam il-fliegu biex takkumpanja t-tellief fit-tellieqa ta’ kap tal-2017. Inti l-bniedem viċin ħafna ta’ Chris Said u m’hemm xejn ħażin f’hekk. Imma inti wkoll kont dak il-bniedem li kont taqsam lejn Malta kuljum fil-kampanja tal-kap fl-2017 u tmur id-Dar Ċentrali biex tiġbor għexieren ta’ dokumenti tal-vot ħalli tqassamhom lit-tesserati Għawdxin biex jivvutaw lil Chris Said. Imma dak in-nhar il-Kummissjoni Elettorali interna lil Jean Pierre Debono biss resqet b’dixxiplina quddiemha. Lilek u isem ieħor li ġabar daqshekk, ma resqithomx. Jiena naf għaliex ma resqitkomx u inti rringrazzjat lil min ma semmiekx quddiem il-Kummissjoni dak in-nhar.
Liema id għollejt s’issa Sur Cordina, il-leminija jew ix-xellugija? Inti dak il-bniedem li bżaqt kemm Alla ħalaq valenu kontra Adrian Delia (eżempju wieħed aktar l-isfel imma hemm aktar), l-uniku Kap leġittimu li tela’ bl-aktar mod miftuħ għax kien hu li tela’ mit-tesserati u ma ħa post ħadd għax il-Kap ta’ qablu kien irriżenja. Sieħbek, Chris Said, għamel kampanja qawwija biex forsi jitla’ u int ħdimt kemm flaħt, u sewwa għamilt. Għalhekk Chris Said ħareġ bi ħġaru għal dik it-tellieqa għax kienet leġittima. Forsi waħda mill-ftit drabi li ma soqtx il-karozza ta’ Chris Said kienet meta, akkumpanjat minn Sellili, mar għand il-President ta’ Malta.
Huwa ovvju li int matul it-tliet snin ta’ Adrian Delia ma ħaddimtx moħħok, għax ħallejt lil Chris Said jidħollok bi ħsibijietek, f’kull kurutur ta’ moħħok. Jista’ jkun li dak it-tgħajjir kollu li għidt fuq Dr Delia ġie manipulat fuqek, biex int twasslu għand it-tesserati. Jiena nista’ ngħid kemm iddispjaċik li ma telax Dr Said dak in-nhar, għax kont qed tipprepara t-triq għal quddiem, jekk iż-żiemel tiegħek ikun Kap tal-Oppożizzjoni.
Sur Cordina biżżejjed biex ittella’ l-id l-oħra u tara għandekx x’ixxomm. Għal-lum biżżejjed imma jekk tkompli mingħalik tilagħba tal-ħelu, jien lest li nkompli u nwasslek fi stat li ebda waħda minn idejk ma tkun tista’ ttella’ għax minn taħt kull waħda joħroġ riħa ta’ dranaġġ. Kemm infakkrek x’kienu qallu tal-One News fuqek wara li kien tela’ Adrian Delia u x’kont għamilt int dak in-nhar.
MID DEHRA DAN CORDINA XI HMIEG IEHOR TAL PN.