Skiet itarrax fuq l-abort mill-Partit Nazzjonalista
Skiet li jtarrax fil-PN dwar l-Abort. Qed naraha interessanti kif fil-Partit Nazzjonalista qed ikun hemm skiet li jtarrax dwar l-abort. Minn meta Marlene Farrugia ressqet il-Private Member’s Bill fil-Parlament ma smajna kważi xejn. Ħlief dikjarazzjoni fqira ta’ Bernard Grech u post fuq Facebook tal-eks-Kap Adrian Delia, il-Partit Nazzjonalista waqa’ fil-muta.
Tgħiduli għalfejn qed tiskanta? Iva niskanta għaliex il-Partit Nazzjonalista huwa l-partit politiku u l-ħarsien tal-ħajja huwa mniżżel fl-istatut tiegħu, jiġifieri fil-liġi tiegħu u allura bilfors u b’mod awtomatiku li l-Partit Nazzjonalista jrid ikun favur il-ħajja u kontra l-abort. Iżda mkejjen fil-Partit Nazzjonalista, li tkellmu miegħi dan l-aħħar, qaluli li l-Grupp Parlamentari għadu lanqas biss beda jiddiskuti dan kollu. Minflok il-Grupp Parlamentari għadu għaddej jiddibatti x’pożizzjoni se jieħu dwar ir-riforma tal-kannabis, u jidher li qajla hemm xi forma ta’ qbil.
Li rajt interessanti wkoll huwa li minkejja survejs diżastrużi għal Bernard Grech, simili għal meta l-establishment tal-partit kienu ltaqgħu minn wara dahar Adrian Delia biex itajruh, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista lanqas biss indenja ruħu jiddiskuti dawn in-numri inkwitanti. Il-Kumitat Eżekuttiv, bħal l-istess wieħed li Bernard Grech kien sejjaħ biex tittieħed deċiżjoni dwar it-taqtiegħa li nqalgħet bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi reġa’ ltaqa’. Imma mhux talli ma ġietx diskussa l-istqarrija li kienu ħarġu flimkien Adrian Delia u Jason Azzopardi… imma lanqas l-abort ma ddiskutew jew x’pożizzjoni se jieħu l-Partit Nazzjonalista. Irridu nfakkru li l-Kumitat Eżekuttiv huwa l-organu prinċipali fejn tiġi diskussa l-politika. Huwa l-organu fejn jiġu diskussi l-argumenti politiċi li jrid iħaddan u jippromwovi l-istess Partit Nazzjonalista. Bħala partit demokristjan u li għandu fl-istat tiegħu l-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali, wieħed jistenna li ma hemmx min qiegħed jiddeċidi waħdu li ma jiddiskutix jew li ma jitkellimx. U agħar minn hekk, wieħed jittama, li ħadd ma qed issirlu xi forma ta’ sarima, bħalma jidher li ġara lill-ex-kandidata Tiffany Abela Wadge, biex l-ilħuq jibqgħu magħluqin.