Mela d-distakk mhux ta’ 26,000 iżda ta’ 50,000 vot favur il-Partit Laburista

Reġa’ għandna survey ieħor dalgħodu. Għandna nemmnuh dan is-survey li kkommissjona l-Partit Laburista? Infakkar li fil-10 ta’ Jannar ġie ppubblikat survey ieħor fejn fih ingħad li d-distakk bejn iż-żewġ partiti niżel għall-26,000. Issa ħareġ dan survey u fi żmien tliet ġimgħat id-distakk tela’ għal 50,000 vot favur il-Partit Laburista. Żgur li ma kienx hemm telf kbir ta’ voti għall-Partit Nazzjonalista f’dawn it-tliet ġimgħat. Wieħed minn dawn żewġ surveys mhux kredibbli. Jien nemmen is-Survey ta’ Marmara.

Infakkar li wara li kien ħareġ is-survey tal-Malta Today, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jiftaħar li miexi tajjeb u qata’ d-distakk bin-nofs. Illum x’ser jgħid l-istess Partit fuq dan is-survey? Tgħid ser ikun hemm skuża li dan is-survey tħallas mill-partit fil-Gvern allura ma nistgħux noqogħdu fuqu għax imbagħbas?

Allura nistgħu nistaqsu jekk is-survey ta’ Saviour Balzan kienx imbagħbas ukoll? Kif dejjem ngħidu dawn is-surveys huma snapshot ta’ ftit jiem u jagħtuk numri ibbażati fuq dawk il-jiem meta jsiru t-telefonati. Hawn ħafna li jagħtu mportanza lil dawn is-surveys u hawn min jgħid tagħtux kashom. Biss varjazzjoni daqshekk kbira ma ssirx fi żmien tliet ġimgħat.

Tajjeb li nħarsu lejhom u nagħtuhom l-importanza li jixraqilhom. Nisperaw li anki l-politiċi jistudjawhom u jirriflettu fuqhom għax jistgħu jkunu ndikazzjoni ta’ fejn għandhom iħarsu biex isewwu jew addirettura jibdlu l-metodoloġija ta’ kif qed jagħmlu u jwasslu l-politika tagħhom għand il-poplu. Importanti li jixtarru dak li jkun qed jintqal. Importanti li jaraw il-messaġġi li qed ituhom in-numri.

Biex wieħed jagħti ftit krettu lis-survey ta’ Balzan, wieħed irid jgħid li anki dan is-survey ta’ Marmara wera xejra posittiva favur Bernard Grech. Meta wieħed jikkompara lil Bernard Grech mal-mexxej preċedenti, f’dan is-survey għadu riżultat aħjar. Iżda dan ir-riżultat ma jittraduċix ruħu, fit-tnaqqis tad-distakk bejn iż-żewġ partiti għal 26,000 vot! Anzi dan id-distatt baqa’ jikber mill-elezzjoni li għaddiet.  

Biss din id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja jew kapijiet għandha importanza fiha nnifisha? Dak li jista’ jingħad hu li dan il-kambjament intern s’issa għadu ma tax riżultat finali ta’ xi avvanz spettakolari għall-Partit Nazzjonalista. It-telfa għadha massiċċa b’differenza ta’ 50,000 vot. Mela d-differenza kompliet tikber fuq l-aħħar elezzjoni.

Dak li jista’ jingħad li għan-Nazzjonalisti, Bernard Grech jidher jew jitqies li hu aktar kredibbli biss dan mhux qed ikollu effett kif il-poplu jivvota. Dan ġej biss għaliex, Adrian Delia u d-deputati li kienu jappoġġawh ma hux qed jagħmlulu b’bsaten fir-roti lil Bernard Grech.

Forsi l-unika konsolazzjoni li l-PN jista’ jieħu li d-distakk ma kienx ta’ kważi 60,000 vot kif darba rrappurtat il-Malta Today mhux hemm. Biss wara dan is-survey tal-10 ta’ Jannar, wieħed jibqa’ jiddubita dwar l-interprettazzjoni ta’ dan is-survey li kienet tat il-Malta Today f’Mejju 2019, fejn fih intwera li b’Adrian Delia fit-tmexxija, id-differenza ser titla’ għal 60,000 vot differenza.

Issa jekk il-Partit Nazzjonalista jirnexxilu jibdel dan l-element żgħir, li qed insejjaħ pożittiv, fejn il-kap preżenti qed jidher li qed igawdi fiduċja aktar minn dak preċendenti biex javvanza politikament, allura jkun għamel avvanz. Biss dan l-avvanz ma jidhirx li sar, għaliex id-distakk għadu ikbar milli kien mill-aħħar elezzjoni li għaddiet u kompla jikber.

Dak li jista’ jingħad li l-partit fil-gvern ilu jkollu surveys favur tiegħu għal żmien twil. Meta tħares lejn dawn is-surveys juru li għal dawn l-aħħar snin is-surveys kienu qed juru vantaġġ stabbli, u simili għall-elezzjonijiet ta’ qabel, għall-partit fit-tmexxija. In-numri kienu qed juruna differenzi bejn it-tnejn ta’ fuq 40,000 vot.

Mela l-aħħar argument huwa dan. Meta Saviour Balzan ħareġ is-survey tiegħu tal-10 ta’ Jannar kien ta tama qawwija lill-Partit Nazzjonalista. Dan is-survey ta’ Marmara qed jagħti din l-istess tama lill-Partit Nazzjonalista?

Dak li jista’ jingħad li dan is-survey hu ħafna differenti minn dak tal-Malta Today. Hu traġiku għaliex din id-darba d-differenza hija ta’ 50,000 vot, meta fis-survey tal-Malta Today, ir-riżultati mogħtija ġew interpretati li naqsu d-distakk għal 26,000, anki jekk irid jingħad li meta Marmara qara ir-riżulati tas-survey tal-Malta Today kien wasal għall-konkluzjoni li mhux vera hemm distakk ta’ 26,000 iżda ta’ madwar 40,000 vot. Illum hu kkonfermat li din l-interpretazzjoni hija aktar kredibbli.  

Mela l-mistoqsija li trid issir hija din.  X’kien hemm moħmi wara s-survey tal-Malta Today? Xi skop kellu? Kif wasal għal dawk in-numri? X’kien verament l-iskop ta’ dan is-survey? Min kien hemm  warajh?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *