17Black, l-Azerbaijan u l-Ġurnalisti Barranin
Storja oħra li ħarġet f’The Times illum hija dik ta’ flus li għaddew mill-Azerbaijan għall-Isvizzera u wara għall-17Black. Jekk hemm elementi ta’ korruzzjoni f’dan kollu, sew tagħmel il-pulizija li tinvestiga. L-awtoritajiet Svizzeri intalbu biex jgħinu fl-investigazzjonijiet wkoll. Biss l-anqas ma hu sew li għax xi ħadd fetaħ kumpanija, dan qed jiġi ivvilifikat għaliex għamel negozju mal-Azeri. Jien mort l-Azerbaijan. Kont mistieden tal-Gvern tal-Azerbaijan u meta kont hemm rajt ex-politiċi Nazzjonalisti jkollhom laqgħat ta’ negozju mal-Azeri. B’hekk , għal darba oħra ħafna suppożizzjonijiet u xejn aktar.
Biss dawn l-istejjer qed isiru biss biex issir ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Għal darba oħra, mhux ċar mnejn ġiet din l-informazzjoni dwar dan il-preżunt transferiment ta’ flus mill-Azerbaijan għall-Kumpanija 17 Black, jiġifieri jekk din inġabritx mill-kompjuter ta’ Daphne Caruana Galizia jew instabet wara u qed tiġi maqgħuda ma’ dan il-proġett.
Fuq kollox, f’dan il-każ, il-pulizija talbet lill-awtoritajiet Svizzeri informazzjoni fuq dawn it-transazzjonijiet, b’mod partikolari dwar is-Socar. Dawn intalbu fl- 2018. Biss wara sentejn, il-pulizija għadha ma resqet ħadd il-qorti rigward dawn l-investigazzjonijiet. Ir-raġunijiet għal dan jistgħu jkun tnejn. L-ewwel li l-awtoritajiet Svizzeri ma sabu xejn. It-tieni sabu u l-pulizija ħbiet kollox taħt it-tapit. Naħseb li t-tweġiba tiġi waħidha. Għal darba oħra, għandna ħafna duħħan imma kif jgħidu t-Taljani ftit laħam mixwi jew “molto fumo e poco arrosto”. Jidher li l-anqas laħam ma hemm jinxtewa.
F’dan il-kuntest, irċevejt dan il-messaġġ mingħand persuna li qed issegwi dak li qed jiġri f’Malta u anki f’barra. Huwa wieħed minn dawk li jsegwu l-aħbarijiet tal-BBC. Ġustament, din il-persuna innotat il-mod kif il-BBC qed ixxandar aħbarijiet dwar korruzzjoni. Dan jgħodd ukoll għal mod kif ċerti ġurnali qed ixerrdu l-informazzjoni fuq il-korruzzjoni. Il-mod kif il-ġurnalisti barranin qed ixandru dawn l-aħbarijiet fuq Malta huwa totalment differenti mill-mod kif l-istess ġurnalisti ixandru l-istess aħbarijiet dwar korruzzjoni li hemm fil-Bulgarija u l-kompliċita’ tal-politiċi Maltin biex jgħinu l-politici korrotti Bulgari. Din il-persuna kitbitli hekk:
“nixtieq nibqa privat imma fl-istess ħin niġbed l-attenzjoni li l-BBC ma tantx semma lil Bulgarija. Jien naħseb li għax ma kienx hemm Bulgari jimbuttaw bħal ma kien hemm Maltin fil-każ ta’ Malta. Bil-korruzzjoni b’kollox, xorta ma tistax tivvota lil dawn in-nies. Qed jgħidu li ‘we’ll find fire if there is smoke’ . Mela insejna il-BWSC fejn kien intqal ‘there is smoke but cannot find the fire’. Saħħa u grazzi tal-blogs tiegħek. Nixtieq ngħid li dan l-ewwel Facebook message għax ma tantx jien delittant niddikjara il-pożizzjoni tiegħi għax m’għandi minn ħadd. Saħħa u nieħu gost naqra il-blogs li tikteb”.