Drawwiet Tradizzjonali fil-Festi Tagħna

Dak li Fadal mal-Ħafna li Għeb. 

Kitba ta’ Anton Attard. Dan l-artiklu kien deher oriġinarjament fl-Imnara (2013 Nru 37)

Ir-rabta tagħna l-Maltin mat-twemmin Nisrani tmur lura sekli sħaħ. Dan wassal biex, sa minn żminijiet imbiegħda, il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna tfasslet madwar dak kollu reliġjuż. Iċ-ċelebrazzjonijiet f’ġieħ il-qaddisin protetturi tal-irħula tagħna ma ħallejnihomx għal ġol-knejjes biss. Sehem kbir minnhom ħriġnieh fl-imsieraħ, fil-pjazez u fi triqatna. Il-festi saru l-aktar jiem speċjali tas-sena ta’ kull belt jew raħal. Maż-żmien, ma’ wħud minnhom intrabtu drawwiet partikulari. Xi wħud minn dawn għadhom magħna, iżda ħafna minnhom intesew u saru biss parti mill-folklor tal-Gżejjer tagħna.

DARI U LLUM

Daż-żmien, il-baned ħadu post il-għana mal-kitarri, il-mandolini, iż-żafżafa, iż-żaqq u t-tanbur. Minbarra dawn id-drawwiet li semmejna, hemm oħrajn li kienu marbutin ma’ festi partikulari, li fil-biċċa l-kbira, saru xi ħaġa tal-imgħoddi u ħafna miż-żgħażagħ u t-tfal tal-lum ma laħquhomx, jew forsi semgħu biss bihom.

Dari, rari kont tmur f’xi festa li fiha ma kienx ikun hemm xi tiġrija tal-bhejjem u xi drabi ta’ rġiel u żgħażagħ. Fi bliet qrib il-baħar, it-tiġrijiet tad-dgħajjes kienu aktar mifruxin mil-lum. Dawk f’nhar San Lawrenz fil-Birgu, ta’ Portu Salvu fl-Isla, u dik Tal-Karmnu, li kienet issir f’Marsamxett, saru ġrajjiet tal-imgħoddi. Baqa’ biss dik ta’ nhar il-Vitorja, li ssir mix-xatt tal-Marsa sal Belt. Magħha, id-dilettanti ta’ dix-xorta ta’ tiġrijiet, daż-żmien, ikunu qed jistennew oħra ġdida li daħlet mill-1979.  Għalkemm mhix festa reliġjuża, ta’ min iżid li fil-31 ta’ Marzu,  magħruf bħala Jum il-Ħelsien, bdiet issir regatta, bis-sehem tad-diversi bliet tas-soltu qrib il-baħar. Ir-rotta tkun differenti minn dik ta’ nhar il-Vitorja. Din id-darba il-ġerrejja jitilqu minn taħt id-Dwana l-Qadima u jaqdfu lejn taħt il-Maċina fl-Isla.

F’xi festi qrib il-baħar, il-Ġostra kienet parti essenzjali taċ-ċelebrazzjonijiet fuq barra. In-nies kienet togħxa tara liż-żgħażagħ jittantaw jaħtfu l-bandiera f’tarf arblu jiżloq bix-xaħam li kien jindilek miegħu. Kien jirnexxilu jagħmel dan wieħed biss, għax dawk ta’ qablu, wara diversi tentattivi, ikunu żelqu u spiċċaw il-baħar. Illum, f’xi festi, l-ġostra qisha dieħla mill-ġdid, iżda għad jonqos ħafna biex tqabbilha mal-popolarita’ li kienet tgawdi dari.

L-Arblu ta’ Mejju dari kien jiġbed folol kbar biex jaraw liż-żgħażagħ jippruvaw jitilgħu mal-arblu oħxon biex jaħtfu dak li jistgħu minn fost oġġetti varji, fosthom fliexken bl-inbid, boroż bil-ġbejniet, zalzett u xi ġugarelli, li kienu jiddendlu ma ċirku mdaqqas fil-quċċata.  Dan l-arblu fi żmienna reġa’ beda jintrama fil-Karnival (l-Kukkanja), għalkemm hu biss kopja fqira ħdejn l-għors li kien fih l-arblu ta’ dari.

Read More

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *