Iċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat: il-Gvern Għandu Jara li Jinfetaħ mill-Aktar Fiss

Minn Osservatur Politiku

Wara 16-il xahar magħluq, iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat baqa’ xorta mgħotti bid-dlam u n-nuqqas ta’ ċarezza. Din mhux biss binja magħluqa imma hija xbieha tan-nuqqas ta’ tmexxija u ta’ pjanar li qed jolqot direttament il-familji Maltin u Għawdxin. Is-servizzi tas-saħħa huma pilastru fundamentali tal-ħajja pubblika. Mela kif jista’ jkun li żona daqshekk popolata bħal Rabat, li sservi wkoll il-limiti tal-Imdina, Baħrija u l-inħawi tal-madwar, tinstab bla ċentru tas-saħħa għal daqstant żmien?

Meta tgħaddi quddiem il-binja, wieħed jista’ jaqbad jistmerr l-idea li wara xhur fuq xhur ma sar xejn li jagħti tama. L-armar tal-kostruzzjoni għadhom hemm, il-ħaddiema rari tarahom, u l-pubbliku ma kellu l-ebda spjegazzjoni ċara dwar għalfejn il-proġett qed jittardja b’dan il-mod. Dan kollu filwaqt li l-Gvern għadu jitkellem dwar investiment fil-kura primarja u servizzi moderni u kliem sabiħ li ma jistax jittieħed bis-serjeta’ quddiem realta’ bħal din.

Iċ-ċentri tas-saħħa huma l-ewwel linja ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huma kruċjali għal viżti mediċi urġenti għalkemm mhux emerġenzi. Huma aċċess għall-istess qasam tas-saħħa għal dawk mingħajr trasport u fuq kollox, għall-anzjani li ma jistgħux jivvjaġġaw ’il bogħod.

Għall-komunita’ bħal dik tar-Rabat, il-fatt li għal 16 xahar dawn is-servizzi ma kinux disponibbli jfisser piż reali fuq il-familji. Kollha kellhom jmorru f’ċentri tas-saħħa oħra għal konsultazzjonijiet li normalment jieħdu ftit minuti. Oħrajn kellhom jistennew aktar min-normal jew saħansitra jħallsu minn buthom biex jaraw tabib privat. Dan kollu jżid mal-kontijiet tal-familji, mal-pressjoni fuq ċentri oħra u mal-frustrazzjoni ġenerali.

Il-Gvern jista’ jgħid li qed isiru xogħlijiet, iżda r-realta’ hija waħda, xogħol li suppost idum erba’ xhur ma jistax jieħu erba’ darbiet il-ħin. U din mhix l-ewwel darba li proġetti tal-Gvern idumu ferm aktar milli mwiegħda.

Waħda mill-akbar problemi hija n-nuqqas ta’ trasparenza. Ma kienx hemm rapport ċar dwar għalfejn l-istess ċentru kellu jingħalaq għal dan iż-żmien kollu u għalfejn ix-xogħlijiet qed jieħdu daqstant. Tibqa’ ukoll il-mistoqsija ta’ meta eżatt ser’ jiftaħ. Il-poplu għandu dritt ikun jaf. Is-servizzi tas-saħħa mhumiex affarijiet żgħar, huma kruċjali daqs skejjel u infrastruttura essenzjali. Meta l-awtoritajiet jibqgħu siekta, in-nies jibdew jaħsbu li hemm xi ħaġa mistura.

Il-każ ta’ Rabat mhux isolat. F’ħafna oqsma qed naraw mudell li jirrepeti ruħu, wegħdiet kbar, pjanar fqir, u dewmien bla spjegazzjoni. Dan isaħħaħ sentiment ta’ sfiduċja fil-poplu, li jħoss li l-Gvern jitkellem ħafna iżda jwettaq ftit. Huwa sintomu ta’ sistema li ma tipproġettax fit-tul, li tħabbar qabel ma tkun lesta u li ma tirrispettax biżżejjed lin-nies li għandhom bżonn is-servizzi ta’ kuljum.

Hemm bżonn urġenti ta’ stqarrija uffiċjali dettaljata, bil-kalendarju tax-xogħlijiet li baqa’ u r-raġunijiet tad-dewmien. Pjan ta’ kontinġenza biex iċ-ċittadini ma jibqgħux ibatu sakemm jinfetaħ mill-ġdid. Hemm bżonn ta’ monitoraġġ indipendenti biex jiġi żgurat li x-xogħol jitlesta kif xieraq u jiġu spjegati termini ċari għax il-poplu għejja minn wegħdiet li jiġux osservati.

Meta ċentru tas-saħħa jibqa’ magħluq għal 16-il xahar mingħajr spjegazzjoni serja, din mhix kwistjoni ta’ xogħol jew ta’ loġistika. Hija kwistjoni ta’ rispett lejn iċ-ċittadini. U hawnhekk, ir-rispett falla.

Il-mistoqsija li forsi tweġġa hija kif jista’ jkun li fi stat modern, servizz bażiku bħal dan jintesa għal kważi sentejn? Il-poplu jistenna tweġibiet u fuq kollox, soluzzjonijiet.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading