Il-pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Minn osservatur poltiku
Il-paġna ta’ ONE infurmatna li l-pjazza ta’ Raħal Ġdid ser terġa’ tinqala biex forsi jissewwa x-xogħol imbażwar li kien sar fl-ewwel attentat. Dan huwa proġett li sewa l-miljuni minn flus il-poplu imma tant sar ħażin li ser ikollu jerġa’ jinqala kollox u jerġa’ jsir mill-ġdid. Ħela ta’ flus, ħela ta’ riżorsi, ħela ta’ żmien u strapazz għar-residenti ta’ Raħal Ġdid u għal kull min iżur din iz-zona.
Fuq kollox, l-anqas ħaqq li kien hemm żuntier bħal dak u tfarrak.
Aħbar bħal din ma jistax ikun li ma ġġibx magħha kritika qawwija. Dan huwa eżempju ċar ta’ nuqqas ta’ sorveljar fuq il-lant tax-xogħol, xogħol magħmul ħażin minn min suppost jaf aħjar u xogħol li tant hu dilettantesk li ser ikollhom jerġgħu jintefqu partita flus mill-kaxxa ta’ Malta biex forsi r-riżultat ikun aħjar milli kien qabel.
Ovvjament dan huwa eżempju ta’ falliment min-naħa tal-Gvern tal-ġurnata. Kien hemm għajdut li l-pjazza kellha xi ħsarat imma din l-ipotesi ġiet imwarrba għaliex kien hemm konferma li x-xogħol sar ħażin mill-bidu u ma saretx ħsara matul iż-żmien. Issa l-poplu ta’ Raħal Ġdid qed jittama li din id-darba x-xogħol isir kif suppost għaliex hemm ħafna li huma xettiċi li ser isir ix-xogħol tajjeb. Dan ovvjament jirriżulta minħabba l-pastażata ta’ xogħol li kien sar qabel. Huma ħafna r-residenti li qed jistqarru u jittamaw li ma jkunx hemm l-istess riżultati.
Dan huwa mod ċar ta’ kif jiġu sparpaljati flejjes pubbliċi li jinġabru mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin. Barra minn hekk irridu niftakru fl-inkonventi li ser jerġgħu jirrepetu ruħhom meta konna nisimgħu li weġġgħu n-nies meta kienu qed jimxu fil-pjazza waqt li jkun għaddej ix-xogħol.
Ma tistax tikkritika u ma tgħidx li huwa tajjeb li din il-pjazza ser tittranġa mid-diżastru li qiegħda fiha. Imma kien ikun ferm xieraq li jiġi mxandar min kien responsabbli għax-xogħol fl-ewwel istanza. Tajjeb ukoll li wieħed ikun jaf min ser jerfa’ r-responsabilita’ tax-xogħol ħażin li sar u min ser ibati l-konsegwenzi, speċjalment finanazjarji.


E IO PAGO.
Storja ta’ deffiċjenza grassa li magħrufin għaliha l-politiċi lokali li l-ewwel joħorġu b’tant pompa t-twettiq ta’ proġett u wara ftit snin nindunaw li x-xogħol ma sarx sew u jrid jerġa jinqala’ mill-ġdid!! Naħseb li bħal pjazza ta’ raħal ġdid hemm diversi eżempji oħra tul is-snin!!! Sadanittant, il-poplu jħallas!!!