Dan il-Blog Kien Minn tal-Ewwel li Żvela li Ħabsi fil-CoRRs, Mtaħleb Ipprova Jaħrab: Aktar dwar dan il-Każ

Huwa evidenti li, minkejja ċ-ċaħda kontinwa mill-amministrazzjoni tal-ħabs li dan il-priġunier qatt ma pprova jaħrab jew li ma qabiżx l-ewwel linja tas-sigurtà, il-fatti jindikaw storja differenti.
Skont informazzjoni li wasslet lil dan is-sit fl-aħħar jiem, dan l-istess priġunier kellu jiġi eskortat biex jara tabib wara li ġarrab ġrieħi relatati ma din il-ħarba. Dan l-inċident wassal għal eskalazzjoni tas-sitwazzjoni.
Hu fatt li dan il-ħabsi kien spiċċa tela’ fuq il-bejt. Din l-azzjoni fiha nnifisha tqajjem mistoqsijiet serji dwar il-kontroll u mod kif qed jitmexxew l-affarijiet fil-ħabs. Hemm min qed jinsisti li din il-ħarba saret possibli minħabba l-mod kontinwu ta’ indħil li hemm fuq l-uffiċjali li hu ta’ kull forma.
Dan il-każ juri wkoll mudell ta’ trattament preferenzjali. Jidher li fejn jidħol dan il-priġunier, ċerti nuqqasijiet jiġu mgħottija jew minimizzati, filwaqt li l-miżuri li jittieħdu huma żgħar. Dawn jittieħdu biss biex tinħoloq l-impressjoni li hemm id-dixxiplina quddiem l-oħrajn. Dan mhux biss joħloq sens ta’ inġustizzja fost il-priġunieri l-oħra, iżda qed idgħajjef ukoll l-awtorità tal-istaff.
Aktar minn hekk, hemm indikazzjonijiet li anke professjonisti qed jiffaċċjaw pressjoni dwar kif għandhom jaġixxu jew x’deċiżjonijiet għandhom jieħdu, f’kull sens ta’ trattament jew way forward. Dan hu ta’ tħassib serju, għax f’ambjent bħal ħabs, id-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq ġudizzju professjonali u mhux fuq influwenzi.
Tant hu hekk li anke kien hemm mumenti fejn il-priġunieri bagħtu messaġġ b’saħħtu lill-ammistrazzjoni wara li kienu ttieħdu xi azzjonijiet. Uffiċjali qalulna li hu dak li jiġri meta jiġu kkuntentati f’kollox il-priġunieri. Il-priġunieri llum qed jheddu l-amministrazzjoni tal-ħabs bil-media. Il-fatt hu li fuq din il-ħarba ftit li xejn dehret fil-media. Hu fatt l-amministrazzjoni tal-ħabs tibża’ ħafna mill-kritika.
Fl-aħħar jiem, is-sitwazzjoni kompliet tiżviluppa meta dan l-istess priġunier qabeż fuq xibka interna li tifred is-sulari tad-diviżjoni, miżura li teżisti proprju għal raġunijiet ta’ sigurtà. Dan juri b’mod ċar l-arja li għandu dan il-priġunier u l-ksuħat żejda li għandu jew li tawh. Żgur li taħt tnexxija tal-Kurunell Dalli ma’ kienx ser jitħalla jagħmel hekk.
Dan kollu jqanqal mistoqsija fundamentali: x’jiġri meta sistema li għandha tkun ibbażata fuq dixxiplina u l-kontroll tiġi mmaniġġjata b’mod laxx?
Meta l-awtorità tal-uffiċjali korretivi tiġi mwaqqa’ mill-amministrazzjoni u tingħata lil min m’għandux l-esperjenza operattiva diretta, bħal nies ċivili, id-dixxiplina inevitabbilment tonqos. Dan hu dak li qed jiġri fil-CoRRs u fis-sezzjoni tan-nisa. U meta jinqalgħu sitwazzjonijiet bħal dawn, minflok ma tittieħed responsabbiltà, tibda t-tfittxija fuq min jista’ jwaħħlu. Dan huwa nuqqas ta’ accountability.
Jekk ma jsirux azzjonijiet serji fil-mod kif qed titmexxa din is-sistema, dawn l-inċidenti mhux biss se jkomplu jseħħu, iżda jistgħu jispiċċaw f’konsegwenzi ferm aktar gravi. Il-vittmi f’dan kollu dejjem huma l-uffiċjal korrettivi.
