Żjara fil-Ħabs jew Żjara Vetrina?

Ilbieraħ rajna diversi rapporti fuq il-portals tal-aħbarijiet dwar iż-żjara tal-President fil-Ħabs. Rapporti li, kif wieħed seta’ jara faċilment mir-ritratti u mill-mod kif ġiet ippreżentata l-aħbar, iffukaw primarjament fuq il-priġunieri u l-aspetti li jagħtu stampa pożittiva tal-faċilità. Fejn għal darba oħra dan blog jingħata raġun.

F’artiklu ppubblikat il-Ħamis, qabel ma ħareġ ir-rapport ta’ din iż-żjara, intqal li l-fizzjali, il-maġġuri u l-gwardjani ma kienux inkluzi. 

Issa għal min jaf jew għal min jaħdem fil-qalba tas-sistema korrettiva, il-mistoqsija tiġi waħedha: il-President rat il-verità kollha, jew rat biss dak li riedet turi l-amministrazzjoni?

Meta wieħed iħares lejn ir-ritratti u r-rapporti, ma jistax ma jistaqsix jekk il-viżta kinitx verament rappreżentattiva tal-ħajja ta’ kuljum fil-faċilità. Pereżempju, sar żjara fid-diviżjonijiet 2 u 3, ġewwa ċ-ċelel fejn hemm diversi sfidi u problemi li ilu jiġi rrappurtat dwarhom? Xi ngħidu dwar l-area tar-remand, fejn hemm magħruf li jeżistu diversi nuqqasijiet infrastrutturali u operattivi?

U l-mess tal-uffiċjali korrettivi, il-post fejn dawn l-istess uffiċjali jqattgħu parti mill-ħin tagħhom waqt xogħol diffiċli u ta’ responsabbiltà kbira, kien parti mill-programm tal-viżta? Jew ukoll dan baqa’ barra mill-itinerarju? Anke l-post tal-mistħija li qef jintuża tempoarju qalb karozzi u l-elimenti kollha. 

Mistoqsija oħra li ħafna qed jistaqsu hija dwar l-investiment li sar mill-Kurunell Dalli fid-Diviżjoni 6. Dan ġie muri? Jew ukoll dan ma kienx parti mill-perkors tal-viżta? Scanners ukoll investiment li sar mil istess Dalli biex jgħin lill-uffiċjali. 

Sfortunatament, it-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jidher li huma negattivi.

Żjara bħal din setgħet kienet opportunità importanti biex wieħed jara b’mod ċar il-kundizzjonijiet reali li fihom jaħdmu l-uffiċjali korrettivi kuljum, anke jekk tali kundizzjonijiet jiġu wżati mill-priġunieri. Pereżempju, il-kwalità tal-kmamar tad-doċċa, il-kwistjoni tal-kanestri li jintużaw biex jitqassam l-ikel li mhumiex food warmers u għalhekk mhux ideali biex jinżamm l-ikel sħun jew il-ħtieġa kontinwa ta’ manutenzjoni f’diversi partijiet tal-faċilità, u affarijiet oħra. 

Dawn huma realtajiet li ħafna uffiċjali jaffaċċjaw kuljum, iżda li rarament jaslu sal-pubbliku, għalkemm dan l-aħħar l-priġunieri qed jitkellmu mal-media kif qed naqraw kull ġimgħa. 

Aspett ieħor li ma setax ma jiġix innutat kien in-nuqqas totali ta’ referenza għall-Kummissarju għall-Welfare tal-Priġunieri. Ma ssemmiex, u lanqas ma deher waqt iż-żjara. Dan iqajjem mistoqsija oħra leġittima: fejn kien?

Fl-aħħar mill-aħħar, żjarat uffiċjali bħal dawn għandhom ikunu opportunità biex jinstemgħu l-vuċijiet kollha, mhux biss dawk li jagħmlu stampa sabiħa għal rapporti u ritratti. L-uffiċjali korrettivi huma parti essenzjali mis-sistema tal-ġustizzja u tal-korrezzjoni, u l-esperjenzi tagħhom għandhom jiġu rikonoxxuti u mismugħa.

Inkella, dawn iż-żjarat jispiċċaw ikunu biss vetrina: stampa sabiħa għal barra, iżda li ftit tirrifletti r-realtà li hemm ġewwa.

Kif għalqu l-stqarrija għal istampa :” Kellha wkoll laqgħa mat-tmexxija tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.” Konferma oħra li fizzjali u maġġuri, żewġ rankijiet ta’ responsabilita kbira, mhumiex parti mit-tmexxija kif għidt fl-aħħar blog. 

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading